TeodorReljić

1.

Bijografija

Teodor Reljić huwa awtur, kittieb tal-iskritti għall-films u ġurnalist li twieled f’Belgrad fis-Serbja fl-1985 imma beda jitrabba f’Malta fl-1992. Huwa kien l-editur kulturali u l-kritiku tal-films tal-gazzetta nazzjonali MaltaToday mill-2010 sal-2020 u ħadem bħala kittieb għal rasu bejn l-2016 u l-2020.

Mur fil-biblijografija

Wara li gradwa b’Baċellerat u b’Masters fil-Letteratura Ingliża mill-Università ta’ Malta, Reljić ippubblika l-ewwel rumanz tiegħu, Two, ma’ Merlin Publishers fl-2014. Dan kien wieħed mill-ftit xogħlijiet ippubblikati mill-Merlin bl-Ingliż. Bħala rumanzett magħmul minn żewġ stejjer paralleli, ix-xogħol li parti minnu hija awtobijografika, jipproċessa trawmiet tat-tfulija u tal-familja b’perċezzjoni evokattiva u li tfittex li tagħmel sens mill-pajsaġġ urban Malti, li jeżisti simultanjament man-narrattiva ta’ ħrafa. Hija taħlita stilistika li tibqa’ tiddefinixxi l-mod kif Reljić javviċina l-proża f’diversi proġetti fuq pjattaformi varji. Is-serje ta’ comic books li se joħroġ, bl-isem Mibdul, maħluqa flimkien mal-illustratriċi Inez Kristina u wkoll ippubblikata minn Merlin Publishers, tieħu l-approċċ fantastiku-allegoriku pass oltre, u toħloq narrattiva pop-mitoloġika bbażata fuq pjaneta aljena li tispiċċa taħt attakk mill-mostri, fejn l-ambjent politiku xorta waħda jidwi, b’mod tal-biża’ u satiriku, l-ambjent maħluq mill-parlamentari Maltin u sħabhom fin-negozju fl-aħħar snin.

Riċentament, Reljić iddedika l-enerġija tiegħu lill-kitba għall-film, b’enfasi partikolari fuq l-addattament ta’ xogħol letterarju Malti għall-film. L-ewwel film tiegħu, Camilla, kien addattament ta’ storja bl-istess isem mill-pinna ta’ Clare Azzopardi, li ħadem fuqu ma’ Stephanie Sant. Dan il-film rebaħ il-Konkors Letterarju għall-Films Qosra tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fl-2018 u tnieda fil-Festival Nazzjonali tal-Ktieb f’dik l-istess sena. Għad-dokuserje Storja ta’ Storja, Reljić addatta kitbiet qosra u siltiet miktubin mill-kittieba Maltin mistednin għal skritt, u għal darb’oħra ħadem fuq ix-xogħol ta’ Clare Azzopardi, u anke ta’ Loranne Vella, ta’ Immanuel Mifsud u ta’ Alex Vella Gera, li addatta wkoll ir-rumanz tiegħu Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi għal skritt ta’ film wara li rebaħ il-fond inawgurali għall-films tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb tal-2019.

Reljić kien kolettur fil-kors tal-Kitba Kreattiva fi ħdan id-Dipartiment tal-Ingliż mill-2016 sal-2019 u l-editur ta’ Encore Magazine mill-2017 sal-2019. Huwa wkoll wieħed mill-kofundaturi ta’ Kixott Cooperative Ltd, ħanut tal-kotba u ċentru kulturali indipendenti fil-Mosta.

Maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Is-Sriep Reġgħu Saru Velenużi

Skritt ta' film
Malti
Ingliż
Kitba
Direzzjoni
Martin Bonniċi
Produzzjoni
Shadeena Entertainment u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Malta

Camilla

Skritt ta' film
Ingliż
Malti
Kitba
Direzzjoni
Stephanie Sant
Produzzjoni
Shadeena Entertainment u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Malta

Two

Proża
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies