1.

Dwar

Fondazzjoni HELA (VO/1822), il-Hub għall-eċċellenza fl-arti letterarja, magħrufa aħjar bħala Hub for Excellence in the Literary Arts, hija pjattaforma awtonoma li taħdem biex trawwem l-eċċellenza fis-settur letterarju f’Malta u f’Għawdex. Aħna nirrappreżentaw u naħdmu mal-kittieba, mat-tradutturi, mal-pubblikaturi u l-edituri, u għalihom.

Naħdmu ma’ organizzazzjonijiet, individwi u entitajiet pubbliċi, kemm lokali u kemm barranin, biex noħolqu djalogu bejn dawk involuti fis-settur u dawk li joħolqu l-policies fih, sabiex nippromwovu prattiċi tajbin u ġusti fil-qasam letterarju lokali.

Parti kbira mill-missjoni ta’ HELA hi li tiddisinja u tmexxi sforzi ta’ riċerka li jgħinu lill-Fondazzjoni tiżviluppa strateġiji effettivi, ibbażati fuq għarfien xjentifiku affidabbli tas-settur.

Finalment, HELA hija punt ta’ kuntatt fejn il-kittieba, il-pubblikaturi, it-tradutturi u l-edituri jistgħu jsibu l-għodod u l-opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet u n-negozju tagħhom.

Il-Fondazzjoni HELA hija megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti - Creative Industries Platform.

Il-Fondazzjoni HELA titmexxa minn bord ta’ amministraturi.

2.

Il-bord tal-amministraturi

President

Glen Calleja

Glen Calleja huwa kittieb, artist tal-kotba u maniġer kulturali. Glen imexxi Kotba Calleja, legatorija żgħira fir-raħal antik tar-Rabat, u huwa wkoll il-kofundatur ta’ Studio Solipsis. Ix-xogħol letterarju u l-pubblikazzjonijiet tiegħu jinkludu proġetti varji tal-poeżija, xogħol ta’ proża fittizja u anke xogħol mhux fittizju. Calleja jħobb ukoll jeditja l-manuskritti, joħlom, isajjar, u s-silenzju.

Viċi President

Clare Azzopardi

Clare Azzopardi hija l-Kap tad-Dipartiment tal-Malti fil-Junior College u meta ma tkunx qed tgħallem, tkun qed tikteb jew taqra. Kitbet u ttraduċiet numru ta' kotba għat-tfal, kif ukoll drammi, żewġ volumi ta' stejjer u rumanz għall-kbar. Bosta kotba tagħha ġew ippubblikati b'lingwi differenti fosthom l-Ingliż, it-Taljan, l-Għarbi, il-Kroat, l-Ungeriż u s-Sloven.

Segretarja

Leanne Ellul

Leanne Ellul tikteb kemm poeżija kif ukoll proża. Fl-2016 ġiet magħżula bħala l-awtriċi emerġenti tas-sena waqt il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, filwaqt li rebħet ukoll numru ta' premjijiet oħrajn. Fl-2020 ppubblikat l-ewwel kollezzjoni ta’ poeżiji tagħha bl-isem L-Inventarju tal-Kamra l-Kaħla u fl-2022 ippubblikat Bjuda, proġett interdixxiplinarju li jdur mal-kulur abjad. Ellul tgħallem il-Malti u tifforma parti minn numru ta’ entitajiet li għandhom il-lingwa u l-kultura Maltija fil-qalba tagħhom, fosthom Inizjamed u Fondazzjoni HELA.

Teżorier

Jean Paul Borg

Jean Paul Borg għamel kważi 20 sena jaħdem fin-numri, imma wara li ddejjaq jgħaqqad figuri li ma jagħmlux wisq sens, iddeċieda li jidħol l-Università u segwa l-kors tal-B.A. fil-Malti (Unuri). Ittraduċa xi xogħlijiet ta’ Suad Amiry u għandu l-ġabra ta’ novelli tiegħu Mhux Nies. Huwa l-kordinatur ta’ Inizjamed.

Relazzjonijiet Internazzjonali

Elizabeth Grech

Elizabeth Grech hija traduttriċi u taħdem ma’ diversi organizzazzjonijiet artistiċi u kulturali. Qalbet għall-Franċiż ix-xogħol ta’ diversi kittieba/poeti Maltin kontemporanji. Il-poeżiji tagħha ġew ippubblikati f’diversi antoloġiji u rivisti letterarji (bl-Ingliż, bit-Taljan, bl-Albaniż u bil-Grieg). L-ewwel ġabra tagħha bejn baħar u baħar ġiet ippubblikata mill-Merlin Publishers fi Frar tal-2019. Terre sospese bit-traduzzjonijiet ta’ Massimo Barilla u Virginia Monteforte ġie ppubblikat minn Capire Edizioni (Forlì, Italja) f’Awwissu tal-2019.

Relazzjonijiet Pubbliċi

Sephora Francalanza

Sephora Francalanza segwiet il-kors tat-traduzzjoni fil-livell ta’ Masters, bi speċjalizzazzjoni fit-traduzzjoni letterarja, filwaqt li taħdem fil-ġurnaliżmu. Kienet membru fil-Kumitat tal-Għaqda tal-Malti - Università, għaqda studenteska volontarja li tippromwovi l-lingwa u l-letteratura Maltija. Bħala President tal-istess għaqda, hija kienet l-Editriċi tas-37 u t-38 ħarġa ta’ Leħen il-Malti, ir-rivista annwali tal-għaqda.

Membru

Karsten Xuereb

Karsten Xuereb jgħallem ir-relazzjonijiet kulturali l-Università ta’ Malta. Membru tal-kumitat xjentifiku tar-Rotta tal-Feniċi għal Inizjamed: http://fenici.net/en/. Kitbietu miġbura hawn: https://culturalpolicy.blog/.

Membru

Jesmond Sharples

Jesmond Sharples, li hu infermier, jikteb poeżiji bil-Malti u bl-Ingliż. Studja wkoll il-Kompożizzjoni tal-Mużika, il-Letteratura Maltija, il-Ġerontoloġija u l-Management. Il-poeżija tiegħu ġiet ippubblikata fl-antoloġiji Ilwien fil-Kelma (1985) u Raddiena ta’ Lwien (2015). Ħareġ ukoll żewġ pubblikazzjonijiet poetiċi Il-Qtar li Nħobb (2016) u Ra (2019).

Membru

Albert Gatt

Albert Gatt studja l-lingwistika u l-informatika, u bħalissa huwa d-Direttur tal-Istitut tal-Lingwistika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta. Apparti r-riċerka akkademika tiegħu, ilu għal diversi snin jittraduċi l-poeżija u l-proża mill-Malti għall-Ingliż. Fost it-traduzzjonijiet reċenti li għamel hemm Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben) ta’ Immanuel Mifsud, u l-ġabra ta’ poeżiji Klin u Kapriċċi Oħra ta’ Adrian Grima. Dan l-aħħar wettaq traduzzjoni tar-rumanz modernista klassiku Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo.

Amministratriċi

Kirsty Azzopardi

Kirsty Azzopardi tiddeskrivi lilha nfisha bħala persuna li jaffaxxinawha l-lingwi. Minbarra l-Malti u l-Ingliż, taf titkellem il-Ġermaniż, u xi ftit Taljan u Franċiż. Hija gradwat fil-Malti u bħalissa qed tistudja għall-grad ta’ MA fil-Lingwistika. Filwaqt li r-riċerka tagħha tittratta b’mod partikolari l-morfosintassi tal-verbi tal-Malti, tinteressaha wkoll il-varjazzjoni djalettali.

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies