Viżjoni ħolistika għal-letteratura Maltija

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), se jniedi l-konsultazzjoni pubblika għal strateġija nazzjonali għas-settur letterarju u l-industrija tal-pubblikazzjoni. Din hija l-ewwel strateġija ta’ dan it-tip għas-settur u l-aspettattivi huma konsiderevoli. Il-kittieba u l-pubblikaturi, l-aġenti ewlenin, jeħtieġu u jixirqilhom salvagwardji li jiggarantulhom tisħiħ u rikonoxximent għall-ħiliet u l-investiment tagħhom biex ikomplu jaqdu l-qarrejja u l-klijenti tagħhom.

L-ekosistema tal-pubblikazzjoni tiġbor fiha diversità sħiħa ta’ interessi, uħud minnhom lil hinn mir-responsabiltà diretta tal-KNK jew tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni li jagħmel parti minnu. Din hija kumplessità li Fondazzjoni HELA dejjem irrikonoxxiet. Is-settur tagħna mhux monolitiku u jitlob politika ħolistika appoġġjata mill-entitajiet kollha responsabbli speċjalment il-KNK, il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), il-Ministeru għall-Edukazzjoni u  l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

F’das-sens, l-ewwel sfida f’ħoġor il-KNK hija biex isawwar relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni ma’ dawn l-entitajiet. It-tieni waħda hija li jagħti widen lill-istakeholders kollha. It-tielet hija li kull ħsieb, kelma u virgola fil-pjan t’azzjoni li jirriżulta minn dil-konsultazzjoni jkunu bbażati fuq data reali u riċerka sistematika, prinċipju li għad irid isir ir-regola u mhux l-eċċezzjoni fid-deċiżjonijiet politiċi li jolqtu l-arti, l-kultura u l-innovazzjoni f’Malta u Għawdex.

Fl-istess żmien li l-KNK qed iħejji t-tnedija tal-istrateġija, Fondazzjoni HELA għaddejja bi proċess li tressaq ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għal prassi aħjar fis-settur letterarju u l-industrija tal-pubblikazzjoni quddiem uffiċjali għolja f’diversi entitajiet. Dan sabiex, qabelxejn, tartikola l-iktar bżonnijiet urġenti u titlob azzjoni minn min huwa responsabbli, fosthom il-bżonn ta’ strateġija msejsa fuq riċerka u fatti, miżuri li jgħinu u jixprunaw start-ups fis-settur, inċentivi għal investiment ikbar fl-infrastruttura li tippermetti l-produzzjoni u d-distribuzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet Maltin, inkluż ħwienet tal-kotba, u miżuri speċifiċi għall-internazzjonalizzazzjoni tal-prodott letterarju Malti u t-talenti varji li joperaw fis-settur.

Permezz ta’ dawn il-proposti u kampanja kontinwa għal aktar għarfien dwar il-kontribut imprezzabbli li l-kittieba u l-pubblikaturi jagħtu lis-soċjetà tagħna, Fondazzjoni HELA se tibqa’ taħdem favur prattika ġusta għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur u lejn il-konsolidazzjoni ta’ politika li verament tippromwovi l-iżvilupp u l-innovazzjoni fl-ekosistema tal-pubblikazzjoni f’Malta u Għawdex.

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies