ĠużèEllul Mercer

1.

Bijografija

Ġużè Ellul Mercer twieled l-Imsida fit-22 ta’ Marzu 1897. Kien kittieb, ġurnalist u politiku b’ideat Soċjalisti qawwija. Temi għal qalbu immens kienu l-edukazzjoni tan-nies u l-iżvilupp ta’ kuxjenza soċjali.

Mur fil-biblijografija

Fl-1928 inħatar bħala Assistent Editur tal-gazzetta tal-Partit Laburista, Il Cotra, u sentejn wara nħatar Editur. F’dan il-perjodu huwa kiteb numru ta’ stejjer qosra f’gazzetta oħra jisimha Il-Ħmar. Dawn l-istejjer ġew ikkundannati mill-Knisja Kattolika u l-pulizija tellgħu lid-Direttur u lill-Editur il-qorti. Ġew immultati talli ppubblikaw dawn l-istejjer imma wara l-appell, dawn l-akkużi twaqqgħu.

Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, Ellul Mercer kien jemmen li wara li l-Maltin reġgħu bnew l-istrutturi soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż, kien ħaqqhom iħarsu lejn il-ħajja b’mod pożittiv. Edukazzjoni soda u kuxjenza soċjali kienu kruċjali biex jinbena futur aħjar.

Fl-aktar xogħol meqjus importanti tiegħu, ir-rumanz Leli ta’ Ħaż-Żgħir (Empire Press, 1938), Ellul Mercer itina rakkont dwar żagħżugħ intelliġenti (l-imsemmi Leli) li l-prospetti tiegħu jitkissru minħabba l-moħħ magħluq tal-komunità li kien jgħix fiha. In-nies ta’ Ħaż-Żgħir ma jafdawx dak li hu ġdid jew dak li hu ʼl barra mill-konfini tal-villaġġ. Isibu l-konfort f’dak li hu u li jibqa’ l-istess, fir-repetizzjoni; il-bqija kollox hu theddida għall-għajxien tagħhom u għall-istruttura soċjali diġà eżistenti. Fl-2003, ir-rumanz ġie tradott għall-Ingliż (Shadows of the Truth) minn Godwin Ellul.

Ellul Mercer kien interessat fil-verità psikoloġika moħbija taħt il-konvenzjonijiet soċjali tal-ħajja tal-villaġġ, u l-prezz li wieħed iħallas meta jisfida dawn ir-regoli mhux miktuba. Leli jaqra kotba filosofiċi li kienet qaltlu bihom persuna ta’ fiduċja. Dawn il-kotba jesponu l-fallibilità tal-ideat soċjali u spiritwali, dak li hu meqjus bħala tajjeb, u li Leli trabba fih. Dan joħloq qasma bejnu u bejn il-komunità li jgħix fiha, b’riżultat li Leli jispiċċa mwarrab minn sħabu u mill-familja. Meta jesperjenza r-rifjut minħabba li jassimila l-għerf miksub ma’ etika soċjali, iwassluh biex jiġġennen u hawn naraw kif Leli jħallas l-ogħla prezz talli sfida l-istatus quo. Għal Ellul Mercer, kull forma ta’ żvilupp personali li teskludi r-responsabbiltajiet soċjali u d-dmirijiet, xi darba se tfalli. Din hija kontradizzjoni fiha nnifisha. It-tnejn iridu jimxu id f’id mal-individwu biex dan isir membru utli tas-soċjetà.

Hija ironika li Ellul Mercer kellu jesperjenza f’ħajtu dan ir-rifjut li għadda minnu Leli. Meta Ellul Mercer miet, fit-22 ta’ Settembru 1961, l-Arċisqof Mikiel Gonzi u l-Prim Ministru Duminku Mintoff kienu għaddejjin minn ġlieda biex il-Knisja ma tindaħalx fl-affarijiet tal-Istat. Dan wassal biex bħala konsegwenza, Gonzi ddikjara li l-membri tal-Partit Laburista kienu se jiġu interdettjati. Ellul Mercer, li rrifjuta li jiċħad lill-partit li kien iħaddan l-ideali tiegħu, kien miċħud difna Kattolika. Għalhekk ġie midfun fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fil-parti li dak iż-żmien ma kenitx ikkonsagrata u kienet magħrufa bħala “Il-Miżbla”.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies