Spiteri twieldet Tal-Pietà fl-1983. Studjat għal Diploma fir-reċtar ġewwa l-Malta Drama Centre (1996-2004) u ġabet il-B.A. u l-M.A. fl-Istudji Teatrali mill-Università ta’ Malta, fejn illum hi lettriċi fid-Dipartiment tal-Istudji Teatrali. Fl-2004 waqqfet kumpanija teatrali, Dù Theatre, fejn hi tikteb, tidderieġi u tirreċta, bl-għan li terġa’ tqajjem il-kitba għat-teatru. Xogħlijietha ġew imtellgħa fl-Ewropa, l-Afrika ta’ Fuq u l-Istati Uniti.
Id-drammi “Appuntamenti” (2009)u “Kjaroskur” (2011) rebħu l-ewwel premju fil-kompetizzjoni Premju Francis Ebejer. “Lacuna” (2006) u “Appuntamenti” ġew magħżula biex jintwerew fost l-aqwa 120 dramm fl-Ewropa, fil-pubblikazzjoni biannwali tal-European Theatre Convention. Spiteri tikteb ukoll għaż-żgħażagħ, għall-Orkestra Filarmonika ta’ Malta u ttraduċiet għall-Malti drammi klassiċi bħal “The Hothouse” (“Is-Serra”)ta’ Pinter. Fl-2014 kienet International Playwright Observer ta’ New Visions, New Voices ġewwa Kennedy Center, Washington D.C., u fl-2016 intgħażlet għal residenza ta’ kitba f’La Chartreuse ġewwa Avignon fi Franza.
Xogħlijiet għal qalb Spiteri huma “Appuntamenti”, “Ineż kienet Perf(etta)” (2016)u “Repubblika Immakulata” (2019). Dawn kollha jirrappreżentaw mumenti kruċjali f’ħajjet Spiteri, kemm b’mod soċjali kif ukoll dak personali. Soċjalment, “Appuntamenti”kienet importanti ħafna għax turi t-tendenza tal-Maltin li fit-taħdit jaqilbu mill-Malti għall-Ingliż – turi kif il-lingwa Maltija qed tinbidel, tadatta u kif qed tiġi mitkellma fil-ħajja ta’ kuljum. “Ineż kienet Perf(etta)”, u xogħlijiet oħra bikrin ta’ Spiteri, juru dak li jgħaddu minnu ż-żgħażagħ fid-dinja tal-lum. Hawnhekk Spiteri tiffoka fuq id-dehra u l-pressjoni biex nidhru perfetti. Dan id-dramm ġie użat u mħaddem f’workshops minn diversi kumpaniji teatrali Amerikani bħala parti mit-Translation Project fi ħdan New Visions, New Voices (2021). “Repubblika Immakulata” huwa dramm politiku fejn b’mod sfaċċat jintwera t-taqlib politiku u l-korruzzjoni li għaddejja fil-gżejjer Maltin. Dan ix-xogħol teatrali wera biċ-ċar kif fl-arti m'hemmx lok fejn wieħed jistaħba u ma jkunx ċar dwar temi soċjali importanti.
L-għan ta’ Spiteri hu li tkompli tikteb b’dan il-mod politiku, fejn turi kif id-dinjiet soċjali, kulturali u politiċi huma mwaħħdin u jaffettwaw lil xulxin anke meta wieħed jiftakar li xejn ma jeżisti f’iżolament.
Meta nifhmu li aħna marbutin ma’ xulxin u l-mod ta’ kif ngħixu u nesprimu lilna nfusna se jaffettwa ħajjitna, dan għandu jwassalna biex neżaminaw diversi aspetti tal-ħajja u ħafna mill-valuri li ngħożżu. Titneħħa wkoll is-separazzjoni konvenjenti bejn il-ħajja personali u dik pubblika. F’għajnejn Spiteri, l-arti maħluqa b’mod onest hija arti politika għax titkellem b’mod konkret dwar iż-żmien u l-ispazju li qed tgħix fihom.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg