SandraHili Vassallo

1.

Bijografija

Sandra Hili Vassallo temmen bl-akbar konvinzjoni li l-letteratura tat-tfal hija importanti daqs dik tal-adulti fil-mogħdija tal-valuri u l-impatt li tħalli fuq is-soċjetà. Fil-fatt, hija awtriċi ta’ diversi kotba għat-tfal miktubin bil-għan li trawwem l-imħabba għall-istejjer minn età bikrija, kif ukoll biex tispira lill-qarrejja jirriflettu fuq ċerti valuri u prinċipji li għandhom sinifikat qawwi fit-tfulija ġewwiena.

Mur fil-biblijografija

Il-karriera, l-esperjenzi u l-valuri ta’ Hili Vassallo huma ta’ spiss fil-qalba tax-xogħlijiet letterarji tagħha, bi twemmin ta’ ġustizzja soċjali u onestà, li fihom ħafna drabi jidhru t-tfal u d-drittijiet tar-refuġjati.


Hili Vassallo twieldet iż-Żurrieq fl-1968. Studjat il-Liġi fl-Università ta’ Malta, u kisbet żewġ Maġisteri mill-istess Università, fil-Liġi tal-Unjoni Ewropea u dik dwar il-migrazzjoni. Hili Vassallo serviet bħala diplomatika fi New York u bħala Direttriċi fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Bħalissa hija Direttriċi tal-Politika u Programmi fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Hija wkoll lettriċi mistiedna tal-Università ta’ Malta dwar il-liġi tal-familja u l-protezzjoni tat-tfal.


Huwa intriganti kif is-serje ta’ Imeldina – li hija magħmula minn tliet kotba: Imeldina (2013), Imeldina u l-Imbarazz (2016), u Imeldina u l-Uċuħ (2017) – hija ispirata minn stejjer li hija stess kienet tirrakkonta lil uliedha meta kienu għadhom żgħar. Is-serje għandha l-illustrazzjonijiet ta’ Beatrice Costamagna. It-tieni ktieb mis-serje kien daħal fil-lista finali tal-Premju Terramaxka, l-ekwivalenti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għat-Tfal u ż-Żgħażagħ. L-istejjer jispikkaw minħabba l-mod li jindirizzaw kwistjonijiet importanti ħafna li huma soċjalment u kulturalment kumplessi: il-biża’ mid-differenza u l-ġdid, kif naċċettaw u niffaċċjaw il-biżgħat tagħna, u l-impatt individwali u personali tagħna fuq il-kollettiv. Ktieb ieħor vibranti, b’illustrazzjonijiet ta’ Susanna Rumiz huwa Mikelin (2019), li rebaħ il-Premju Terramaxka fl-2020. Dan il-ktieb ġie tradott għat-Taljan, kif ukoll għat-Tork u l-Għarbi bis-saħħa tal-fond ta’ diplomazija tal-Ambaxxatur Malti f’Ankara, u b’hekk laħaq tfal refuġjati Sirjani fit-Turkija.


Kemm Il-Komponiment tal-Malti (2018) kif ukoll Il-Kaxxa tal-Memorji (2020) huma stejjer ispirati minn tfal f’istituzzjonijiet jew f’fostering. Dawn l-istejjer jidħlu profondament fiċ-ċirkustanzi differenti u kultant problematiċi li t-tfal isibu ruħhom fihom, bil-għan li jqabbdu diskussjonijiet dwar temi bħall-identità, il-familja u l-għeruq, il-privileġġ, kif ukoll il-memorja individwali u kollettiva. Dawn l-istejjer mhumiex qegħdin hemm biss għalina biex nissimpatizzaw; imma wkoll biex jippruvaw jilħqu lil tfal li għaddejjin minn dawn ir-realtajiet – u b’hekk isiru jaf li mhumiex waħedhom, li huma viżibbli u mismugħa, u li l-esperjenzi tagħhom ifissru ħafna.


L-istejjer ta’ Hili Vassallo għal Leħen il-Malti, ġurnal annwali maħruġ mill-Għaqda tal-Malti, ippermettewlha tesplora l-kitba fittizja u mhux-ċensurata għall-adulti. “Daħna” (2016), “Speċi Rara ta’ Kamaleonte Żeffiena” (2017) u “Taħt it-Tinda” (2018) jitkellmu fuq kwistjonijiet serji ta’ saħħa mentali, is-suwiċidju, u l-mod kif persuna kapaċi tiġġedded, waqt li fl-istess ħin tmur lura lejn it-tfakkira essenzjali ta’ kemm hi sabiħa qalb tajba.


Fil-futur qrib ħafna, se jkollna f’idejna t-tieni ktieb tas-serje ta’ Mikelin. Meta tqis li l-għan ta’ Hili Vassallo huwa li teduka permezz tal-empatija u l-intuwittività tal-lingwa Maltija nnifisha, mhux ta’ b’xejn li l-kotba tagħha jħallu marka fuq l-adulti daqskemm fuq it-tfal. Xogħolha mhuwiex biss didattiku; huwa wkoll fuq is-sbuħija tat-trawwim tal-immaġinazzjoni tagħna, u jinżel fil-fond biex jilħaq it-tfulija ġewwiena tagħna, jaqsam magħna ħsibijietna u kapaċi jisfida u jkun kritiku bl-aħjar mod possibbli tagħna nfusna u tas-soċjetà.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg.

2.

Biblijografija

Kejkijiet tal-Karrotti u Fwejjaħ tal-Ward

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Malta

Kollox Barra Bebbux

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Ministry for Social Policy and Children's Rights, Malta

Il-Kaxxa tal-Memorji

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Francesca Grech
Pubblikazzjoni
L-Awtriċi

Mikelin

Proża
Malti
Kitba
Premjijiet
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Illustrazzjoni
Susanna Rumiz
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Mikelin u l-luminata fil-gwardarobba

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Susanna Rumiz
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Il-Komponiment tal-Malti

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Chris Cardona
Pubblikazzjoni
NFCAM, Malta

Imeldina u l-uċuħ

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Beatrice Costamagna
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Imeldina u l-imbarazz

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Beatrice Costamagna
Pubblikazzjoni
Merlin Publiishers, Malta

Imeldina

Proża
Malti
Kitba
Illustrazzjoni
Beatrice Costamagna
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies