RyanFalzon

1.

Bijografija

Ryan Falzon twield iż-Żurrieq fl-1988. Huwa artist viżiv u edukatur tal-Arti. Kiseb Baċellerat mill-MCAST f’rabta ma’ Fraunhofer Gesellschaft (il-Ġermanja) u segwa dan b’Maġisteru fil-Belle Arti mill-Università ta’ Malta. Fl-2024, ingħata l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Mur fil-biblijografija

Minkejja li daħal b’ruħu u ġismu fl-istudju tal-arti viżiva, Falzon minn dejjem ried isir kittieb. Waqt li kien qed joħloq u jistudja l-arti, xorta ddedika parti minn ħinu biex jirfina l-kitba tiegħu. Jemmen li l-artisti aktar milli xprunati mill-ispirazzjoni huma imbuttati minn forza irreżistibbli li ġġegħelhom jesprimu ruħhom bi strument tal-għażla tagħhom. Din il-forza ma tistax titrażżan u titlob li titferra’ f’xogħol artistiku.

Falzon iqis iż-żmien u l-ispazju li l-artisti jgħixu fihom bħala relevantissimi għal xogħolhom. Min-naħa tiegħu, huwa assolutament ma jridx ikun dak l-artist li jaħdem f’iżolament fuq temi maqtugħin minn dawn iż-żewġ elementi kruċjali. Minflok, huwa jersaq lejn in-narrazzjoni b’mod nonlineari, b’kurrent dejjem għaddej ta’ kuxjenza li iżda jibqa’ msejjes fil-preżent. Dan iwassal għal effett collage jew pastiche. Dan kollu huwa indubbjament influwenzat mill-prattika tiegħu fl-arti viżiva.


Tema ewlenija f’xogħlu hija l-impatt tal-midja soċjali, l-identità, id-dinamiċi tal-ġeneru, ir-relazzjonijiet u l-mogħdija taż-żmien fuq il-ġenerazzjonijiet Millenjali u Gen-Z. Din it-tema tmissu personalment mill-qrib, u dwarha jislet mill-esperjenzi romantiċi u ta’ qsim il-qalb tiegħu stess. Ma’ dan josserva wkoll mill-qrib il-bidliet rapidi u ta’ spiss kaotiċi tas-soċjetà Maltija, u jinsiġhom fl-espressjoni kreattiva tiegħu.


Dan huwa partikolarment evidenti fl-ewwel rumanz tiegħu, Sajf (Kotba Calleja, 2022) li jsegwi għalliem żagħżugħ anonimu tal-Fiżika li matul il-vaganzi tas-sajf, jaħrab mill-konfini ta’ xogħlu propju u minflok jassorbi ruħu fil-vera passjoni tiegħu: il-modifikar u r-restawr tal-karozzi antiki. Għalih din il-passjoni għandha ħafna aktar tifsira minn xogħlu li jikkunsmalu l-biċċa l-kbira ta’ ħinu matul is-sena.


Madankollu, aktar minn kollox, il-protagonista mxennaq għal rabta profonda ma’ persuna oħra, li iżda permezz tan-namrar tiegħu minn żmien għal ieħor, kultant nofs qalb ma jirnexxilux jikseb. Din it-tema hija konsistenti matul ir-rumanz, riflessa kemm fir-relazzjoni tiegħu ma’ xogħlu ta’ għalliem kif ukoll fl-interazzjoni tiegħu ma’ oħrajn: huwa dejjem jagħżel li jsewwi l-pannu bil-qara’ aħmar u għalhekk kull tentattiv tiegħu dejjem ifalli. In-namrar tiegħu jinħass vojt u bla sugu minħabba li f’qiegħ qalbu għandu lil Sarah, l-unika tfajla li verament jixtieq. Iżda t-tnejn li huma jemmnu li lil hinn mir-relazzjoni fiżika ta’ bejniethom, relazzjoni romantika tkisser il-ħbiberija ta’ bejniethom. Din il-mentalità żbaljata tirrifletti kif f’era ta’ konnettività kontinwa, in-nies xorta jibqgħu mbiegħda minn xulxin;  waqt li kulħadd jinsab biss  messaġġ ’il bogħod xorta kulħadd jinħass maqtugħ minn kollox; waqt li għandna l-libertà tal-espressjoni ma joħroġ xejn iktar minn sempliċi messaġġ qsajjar fuq il-midja soċjali. Fid-dawl ta’ dan, il-protagonista jikteb diversi listi biex jipprovdulu struttura u direzzjoni f’ħajtu.

Xogħol Falzon hu li jesprimi l-ħajja mgħaġġla kontemporanja, ħajja frammentata u ossessjonata fuq l-issa. Jirrifletti wkoll zeitgeist li mhux talli huwa indifferenti lejn it-tweġibiet imma talli huwa  apatetiku u diżinteressat biex jistaqsi l-mistoqsijiet.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

"Reċti Tal-Kbar, Parties Tat-Tfal"

Proża
Malti
Kitba
Editjar
Loranne VellaJoe Gatt
Pubblikazzjoni
Aphroconfuso, Malta

Sajf

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Kotba Calleja, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies