Kien wieħed mill-fundaturi tal-Moviment Qawmien Letterarju, kif ukoll rebaħ diversi premjijiet bħala liriċista. Kiteb ir-rock opera rinomata Ġensna (1982), kif ukoll Bastilja (1989). Fuq l-istess linja, kiteb musicals, fosthom adattament tar-rumanz ta’ Juann Mamo Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1991), Żeża tal-Flagship (1996) u It-Tieġ ta’ Karmen Abdilla (1999). Uħud minn dawn huma meqjusa bħala klassiċi lokali. Kien ukoll preżentatur popolari fuq ir-radju u t-televixin.
Mahoney kiseb l-akbar rikonoxximent bħala liriċista tal-kanzunetti. Fl-1991, kiteb il-lirika ta’ “Could it Be” għal Paul Giordimaina u Georgina, kanzunetta li kisbet is-sitt post fil-Festival tal-Eurovision imtella’ f’Ruma. Fis-sena ta’ wara, kiteb “Little Child” għal Mary Spiteri u din kisbet it-tielet post fl-istess Festival, din id-darba mtella’ fl-Iżvezja.
Fil-poetika tiegħu Mahoney jesplora kunflitti psikoloġiċi u d-diffikultà għal rabta sinifikanti mal-oħrajn. Ngħidu aħna, f’“Il-Lejla” jfittex kenn u tifsira waqt li jitqabad ma’ ambjent ostili. Ix-xita nieżla bil-qliel u l-kesħa huma manifestazzjoni tal-angst eżistenzjali tiegħu, elementi li daqskemm huma s-sors tat-turment tiegħu huma daqstant ieħor sors ta’ faraġ “ħlew-imrar”. F’din il-poeżija, id-dawl tal-qamar, ir-“raġġ qamri”, ħafna drabi marbut mal-intuwizzjoni u l-veritajiet moħbija, iservi biss biex jitfa’ dawl fuq il-miżerja tiegħu. Jista’ jħoss l-eżistenza ta’ post aħjar imma fl-isess ħin ma jħossux kapaċi jsibu. Id-dubju jinflisa ruħu fit-tfittxija tiegħu, u jibki “bit-tama / li nsib moħbija n-nota rżina / tlift l-għanja li kont naf”. Il-poeżija tħalli lill-qarrejja jistaqsu jekk hux qed jintilef fl-irqaqat u minħabba f’hekk jinsa x’qed ifittex.
Ix-xbihat tat-temp ikrah u l-ilma huma preżenti għal darb’oħra fil-poeżija qasira tiegħu “Tħallihx”. Fiha, il-burraxka, forza nieżla mis-smewwiet li qed tibla’ kollox, tissimbolizza ostaklu impost minn forza sopranaturali li l-poeta qatt ma jista’ jikkontrolla. Huwa jqabbel lilu nnifsu ma’ għasfur tal-bejt, mirbuħ mit-toqol kważi krudili tal-ħajja. Iterter u bi ġwinħajh mtaqqla ma jistax aktar itir, u għalhekk ġwinħajh jirrelegaw ruħhom għal piż żejjed. Din il-kontradizzjoni tikkonfondih: għaliex ingħata l-ġwinħajn jekk ma jistax jużahom?
F’“Gawwi”, Mahoney jerġa’ jidentifika ruħu bħala għasfur f’nofs kriżi eżistenzjali. Il-gawwi, għajjien u għasra minn maltempata, jinkorpora d-diffikultajiet tiegħu. Madankollu, din id-darba t-tbissima ta’ maħbub toffri fejda, u tippermettilu jħaddan din ir-rabta bi tnehida. Bħal gawwija, jinnaviga bejn territorji multipliċi – l-art, il-baħar, u l-arja – waqt li jfittex bilanċ bejniethom.
Raymond Mahoney kien artist li tbandal b’kunfidenza bejn id-dinja kummerċjali u dik introspettiva, u ta prova li dawn iż-żewġ dinjiet mhumiex esklużi minn xulxin, anzi saħansitra jistgħu jitimgħu ’l xulxin.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg