ĠorġPisani

1.

Bijografija

Ġorġ Pisani twieled ir-Rabat, Għawdex nhar is-6 ta’ Mejju 1909. Kien kittieb prolifiku, magħruf l-aktar għan-novelli, il-poeżiji, id-drammi u l-esejs. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol letterarju ta’ Pisani hu dwar il-gżira nattiva tiegħu, u l-aktar għal qalbu kien iż-Żmien Preistoriku. Huwa miet fl-24 ta’ Frar 1999.

Mur fil-biblijografija

Skont Pisani, il-lingwa tipprovdi sens ta’ identità, bażi komuni li tingħaġen u timmanifesta lilha nnifisha flimkien ma’ twemmin, ħsibijiet, drawwiet u mġibiet. F’“Għar Dalam”, il-poeżija msemmija għall-eqdem sit Preistoriku f’Malta, Pisani joħloq narrattiva ta’ kif il-gżira nfirdet mill-kontinent Afrikan, u b’hekk jerġa’ jgħix u jinterpreta l-istorja bl-intenzjoni li jenfasizza s-sens ta’ dan il-jien uniku għall-Maltin.

“F’Ħaġar Qim”, poeżija oħra li tirreferi għal sit Preistoriku Malti, Pisani jurina xena ġewwa maqdes. Il-lingwaġġ hu elaborat u għani fid-dettalji, b’immaġni ta’ tfajliet jiżfnu u qassisin jitolbu l-qawwa tal-allat biex jipproteġuhom mill-attakki tal-għadu. Din setgħet faċilment kienet xena minn xi film ta’ Cecil B. DeMille. Hawnhekk, Pisani juża l-fantasija biex itejjeb u jsaħħaħ fil-qlub u l-imħuħ tal-Maltin dak li għaddew minnu l-antenati tagħna.

Wieħed jista’ jgħid li l-poeżiji ta’ Pisani huma miktuba għall-Maltin biss; mhux interessat li jesplora kunċetti li jikkonċernaw il-bniedem universali. Iħares lejn il-passat b’mod profond, u juża l-immaġinazzjoni biex joħloq stejjer fejn il-verità tagħhom tittraxxendi l-ħin u l-ispazju.

Kemm f’“F’Ħaġar Qim” kif ukoll f’“Għar Dalam”, il-poeta jħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jisimgħu u jassorbu dawn l-istejjer. Pisani kien jemmen li l-lingwa trid tmur lil hinn mill-bażiku, il-funzjonali, it-taħdit ta’ kuljum; anzi l-kitba estetika tista’ tħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu aktar introspettivi, kapaċi jiddixxernu u huma konxji ta’ x’qed jiġri madwarhom. Jista’ jkun li issoppona li s-sens qawwi ta’ identità li jinbena b’mod organiku minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li jindirizza b’mod partikolari lil grupp ta’ żgħażagħ li jittamaw f’futur aħjar, ikun aktar għaqli.

Pisani donnu kellu moħħ poetiku li kien radikament differenti minn kittieba ta’ żmienu bħal Dun Karm Psaila, Rużar Briffa u Karmenu Vassallo, li kienu jiktbu ħafna fuq il-qagħda eżistenzjali tal-bniedem. Madankollu fi “Triqat Mitlufa”, narawh jiddubita s-sejħa tiegħu bħala poeta hekk kif jissara ma’ triqat differenti ta’ għajxien. It-triq tal-imħabba ħallietu jħossu miċħud u mimli mrar, hekk kif iħossu fit-triq tat-tgawdija. Il-vjaġġ biex jiskopri lilu nnifsu jwasslu fil-punt minn fejn beda, lura għall-poeżija; din it-triq hija t-triq vera tiegħu. Imma wieħed ma jonqosx li jinnota li fil-profond hemm sens ta’ dispjaċir. Wieħed jista’ jqis il-fatt li jkollu moħħ poetiku b’intuwizzjoni ogħla min-norma, kemm bħala barka kif ukoll bħala saħta. Bħala poeta, Pisani jqassam u jinterpreta d-dinja ta’ madwaru b’mod kontinwu. Dan seta’ wassal biex Pisani ma jgħixx ħajja aktar sempliċi, ħajja aktar kuntenta.

Pisani kien jemmen li l-lingwa hija għodda neċessarja fil-formazzjoni ta’ identità nazzjonali, u li l-użu differenti f’aspetti varji tal-ħajja jwassal biex din l-identità tikber, tiżviluppa u tibqa’ miexja maż-żminijiet.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies