ĠorġPeresso

1.

Bijografija

Ġorġ Peresso hu kittieb, poeta u xandar magħruf. Rebaħ diversi premjijiet għax-xogħol tiegħu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kif ukoll kien rebbieħ fil-Francis Ebejer Radio Plays Competition. Ix-xogħol ta’ Peresso ġie rikonoxxut tmien darbiet mill-Awtorità tax-Xandir f’Malta. Fl-2016 huwa rebaħ One Tribute għall-kontribuzzjoni tiegħu fl-oqsma tal-kultura u x-xandir. Sentejn wara ġie onorat bil-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Mur fil-biblijografija

Peresso twieled il-Birgu fl-1939. Studja l-letteratura u l-filosofija fi Trevisio u Brescia (l-Italja) u kompla bl-M.A. fit-teoloġija spiritwali fl-Istitut u l-Fakultà tat-Teoloġija f’Ruma. F’karriera fix-xandir (Public Broadcasting Services) ta’ ʼl fuq minn ħamsin sena, kellu diversi rwoli fosthom Kap tal-Programmi tat-TV u r-Radju kif ukoll Kap tad-Drama u l-Kultura. Kien ukoll strumentali fil-ħolqien tal-istazzjon kulturali tar-radju FM Bronja.

Fost l-ewwel pubblikazzjonijiet tiegħu nsibu l-kotba tat-tfal Karamella Karamellu (1980)u Kikku u Sika (1980), li kienu bbażati fuq karattri televiżivi. Huwa interessanti li wieħed jinnota li s-suġġetti u t-temi fix-xogħlijiet ta’ Peresso huma varji imma l-istil baqa’ wieħed kostanti; mir-rumanzi storiċi u soċjali bħal Il-Qassis tal-Belt (2011)u Ħajja ta’ Kelb (1999), għar-rumanz psikoloġiku Il-Wiċċ l-Ieħor (2019) li kien pubblikat bl-Ingliż bħala The Other Face, fejn janalizza d-duwaliżmu fin-natura umana. Insibu wkoll l-awtobijografija It-Tifel tan-Nanna (2009). L-istil kostanti nsibuh ukoll fil-ġabriet ta’ poeżiji fosthom Għażilt li Nħobb (1987), Simple Thoughts (Ħsibijiet Sempliċi, 2018) u Silenzi per una notte (Is-Silenzji ta’ Lejl Wieħed, 1998).

Ix-xogħlijiet l-aktar għal qalb Peresso huma Ħajja ta’ Kelb, Il-Wiċċ l-Ieħor u L-Aħħar Warda (2021). Ħajja ta’ Kelb ingħata l-Premju Speċjali mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Minbarra li huwa l-ewwel rumanz ta’ Peresso, fih naraw l-istil distint tiegħu, is-sens ritmiku u l-poetiċità kif ukoll din il-ġibda li jaqleb il-grammatika u l-istruttura. Il-Wiċċ l-Ieħor rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2019. F’dan ir-rumanz naraw kif l-uċuħ differenti mimlija kunflitt bejn ir-realtà u l-fantasija jitwaħħdu. Kien tradott għall-Ingliż minn Irene Mangion. L-Aħħar Warda hu l-aħħar rumanz li kiteb s’issa Peresso u fih jingħaqad il-ħsieb narrattiv tal-kittieb ma’ ħrejjef antiki. Il-Professur Charles Briffa ddeskrivih bħala “l-aqwa rumanz klassiku ta’ żmienna.”

Il-qarrej iħossu komdu fil-mod kif Peresso jistiednu permezz ta’ kitbitu, kif ħsibijietu u l-valuri tiegħu jiġu espressi permezz tal-arti tal-kitba. Huwa tassew gost li wieħed jintilef fix-xogħlijiet ta’ Peresso, u għal waqt wieħed jgħarrex qalb l-għarfien rikk u l-esperjenza moħbija f’kitbiet Peresso.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies