MatthewSchembri

1.

Bijografija

Matthew Schembri huwa artist li jaħdem b’media differenti, kittieb, u poeta. L-ewwel poeżija tiegħu dehret fir-rivista Sagħtar meta kien għad kellu 14-il sena. Minn dakinhar ’l hawn baqa’ jikteb u joħloq l-arti, tant li ġie ppubblikat fuq diversi pjattaformi u esebixxa xogħlijietu fi spazji varji. Jispira ruħu minn diversi sorsi, speċjalment min-natura li dejjem tipproponilu l-mistrieħ u toffrilu l-faraġ, kif ukoll mill-ħjut li jinseġ minn esperjenzi mgħoddija. Schembri jħobb ix-xogħlijiet ta’ diversi awturi, imma huma Trevor Żahra u J.K. Rowling li ħallew l-akbar impatt fuq xogħlu. Bis-saħħa tal-premji li rebaħ, ġie mistieden għal diversi residenzi, u bihom isostni lilu nnifsu bħala artist-kittieb full-time.

Mur fil-biblijografija

Twieled Ħ’Attard fl-1993. Bejn l-2011 u l-2020 studja l-Arti u l-Malti fl-Università ta’ Malta. Fl-2011, ħa sehem għall-ewwel darba f’wirja kollettiva artistika li ttellgħet mill-Università ta’ Malta. Bejn l-2014 u l-2015, ħa sehem f’“Taħżiż,” programm ta’ kitba kreattiva organizzat mill-Għaqda tal-Malti — Università u l-Aġenzija Żgħażagħ, u kien dan il-programm li serva bħala l-punt tat-tluq għall-kitba tiegħu. Mill-2014 ’l hawn, poeżiji u novelli tiegħu ġew ippubblikati regolarment f’Leħen il-Malti, ir-rivista annwali tal-Għaqda tal-Malti — Università.

Permezz tal-installazzjoni tiegħu, Social Kitchen, Schembri rebaħ l-ewwel premju fil-kompetizzjoni artistika “Divergent Thinkers 04” (2015); waqt li b’Xandelier rebaħ il-kompetizzjoni “Shifting Contexts” (2019). Fl-2017, rebaħ il-Premju Artist Żagħżugħ tas-Sena mtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti. Fl-2018, tella’ l-ewwel wirja personali tiegħu, WiN fi Spazju Kreattiv. Fiha, waħħad il-privat mal-kollettiv, permezz ta’ wirja ta’ kaxxi magħluqa mimlija b’affarijiet prezzjużi tal-mibkija ommu. Jieħu sehem regolarment f’wirjiet kollettivi, f’Malta u lil hinn. Fit-tieni wirja personali tiegħu, ippubblika wkoll l-ewwel ġabra poetika tiegħu — Ħassartek (2021) — li wasslitu biex jirbaħ il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti tal-2022. It-tħassir jitwassal permezz ta’ fużjoni ta’ proża u poeżija – bil-proża sservi bħala l-isfond, dik li oriġinarjament ipprovdiet il-ħafna kliem, waqt li l-poeżija bħala dik li telimina, li tħassar. Din il-ġabra għandha 231 poeżija ta’ tħassir mill-ewwel rumanz tiegħu, Stessi.

Permezz tal-manuskritt, Stessi, rebaħ il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ fl-2016, li eventwalment ġie ppubblikat fl-2018. Il-karattru ewlieni tar-rumanz huwa tifel adolexxenti affaxxinat bil-kamera ta’ zijuh, li jaqla’ mingħandu bħala rigal. Il-kamera ssir ħafna iktar minn sempliċi oġġett inanimat, tant li tibda tieħu l-istessi minn jeddha – u tikxef tifel differenti ħafna minn kif inhu verament Sven. In-novella ta’ Schembri “da’ kollu għax” intgħażlet bħala waħda mill-aqwa għaxar novelli fil-konkors letterarju mtella’ minn IEMed u l-Fondazzjoni Anna Lindh fl-2022.

Ta’ Taħt Fuq: Il-Missjoni tal-Monstru (2025) huwa l-ewwel ktieb ta’ fantaxjenza minn kullana ta’ erbgħa mmirata għaż-żgħażagħ. Huwa allegorija personali dwar il-kanċer u l-erba’ stadji tiegħu. Bħala kullana ispirata minn Harry Potter u Stranger Things fost oħrajn, hija waħda li bla dubju tqanqal kurżità u għatx! Xi xogħlijiet ta’ Schembri ġew tradotti jew jinsabu fil-proċess ta’ traduzzjoni għall-Ingliż, il-Franċiż, il-Kroat, u l-Għarbi.

Schembri qed jaħdem fuq diversi proġetti ġodda, fosthom ta’ poeżija u proża għat-tfal u ż-żgħażagħ. Qed iħejji wkoll ġabra ta’ novelli għal pubblikazzjoni fl-2026, flimkien ma’ diversi proġetti artistiċi. Dan kollu waqt li jkompli jinseġ l-ordinarju mal-istraordinarju, ix-xenqa għal aktar max-xenqa għal inqas – li huma fl-aħħar mill-aħħar in-nisġiet tal-lezzjonijiet li jieħu flimkien mal-ferħ minn kull ħaġa żgħira fil-ħajja.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies