MaryCalafato

1.

Bijografija

Mary Calafato hija poetessa Maltija li tikteb l-aktar bl-Ingliż. Hija ispirata mill-madwar tagħha, il-passjoni tagħha għall-Istorja u s-soċjetà, u l-affarijiet kurrenti. Fit-trobbija tagħha fl-Awstralja, rat qraba u ħbieb jipprotestaw u jiġġieldu għad-drittijiet umani, u din l-esperjenza baqgħet magħha tant li żviluppat fi ħtieġa u sens ta’ responsabbiltà li tesprimi ruħha u tikteb dwar temi marbuta maż-żmien, il-post, il-ħajja, u l-politika.

Mur fil-biblijografija

Calafato twieldet l-Imsida fl-1953. Il-familja tagħha emigrat lejn l-Awstralja tliet xhur wara li twieldet, u reġgħet lura lejn Malta fl-1966. Ir-ritorn lejn Malta kien għaliha daqskemm ta’ ispirazzjoni, ta’ sfida, speċjalment minħabba d-differenza bejn iż-żewġ sistemi edukattivi taż-żewġ pajjiżi. Il-ġibda tagħha lejn il-poeżija u l-inkoraġġiment ta’ zijuha, wassluha biex tibda tikteb il-poeżija sa minn età bikrija. Għal xi żmien ħadmet bħala segretarja, kif ukoll għall-KPMG fil-Libja. Fl-2001, emigrat lejn il-Ġermanja flimkien ma’ żewġha u bintha. Hemmhekk għexet għal 12-il sena, fejn baqgħet tikteb u tgħallem l-Ingliż bħala lingwa barranija. Illum tgħix Malta.

Ir-ritmu u r-rima huma importanti ħafna fix-xogħol ta’ Calafato. L-ivvjaġġar estensiv influwenza u wessa’ l-interessi tagħha u t-temi li tindirizza. L-uniku xogħol ippubblikat tagħha, house in limbo (1985) huwa ġabra ta’ 39 poeżija. Fih, taqsam ħafna esperjenzi personali, imma tikteb ukoll dwar esperjenzi kollettivi, fosthom permezz ta’ poeżiji ispirati mill-mitoloġija u l-kultura. Iż-żewġ poeżiji “Stone Goddess” u “Calypso” għandhom għeruq fondi fl-istorja Maltija u jippreżentaw l-idjosinkraziji tagħna b’mod ċar u kultant anki direttament. Huma żewġ poeżiji li jikxfu kif ix-xemx u l-ilma sawruna u għaġnuna. Hemm ħafna x’jingħad dwar poeżiji bħal ‘‘The Labyrinth,” “We are not Profound People,” u “Thought for Independence Day,” li jċanfru n-nuqqas ta’ rispett li għandna lejn pajjiżna u niesna permezz tal-gideb u r-regħba, il-bini eċċessiv, u l-injoranza.

“Death of a Virgin” hija tfakkira taqta’ ta’ dak kollu mitluf jew imħolli warajna, bħaż-żmien innifsu u d-duwalità tal-mara. Saħansitra, twassalna biex niddubitaw kemm verament nafu dwarna bħala bnedmin. “The Linen Chest,” permezz tal-injam ifuħ, id-dielja, u l-ħruxija u l-purità tal-għażel irrappreżentati fiha, hija ddedikata liz-ziju tagħha li kien jispiraha – bl-immaġni u l-esperjenza sensorjali tal-poeżija xhieda ta’ dan. Imbagħad, tiddedika “Mother Wears Black” lill-ommijiet kollha b’modi diversi; hija tgħolli l-ordinarju u x-xogħol ta’ kuljum tal-ommijiet għal livell sagru u pur. L-omm hija dik li tagħmel kollox u hija kollox, il-“creatress” – il-ħallieqa.

Fl-2021, Kit Azzopardi ta ħajja mill-ġdid lill-ġabra ta’ Calafato billi ttraduċieha għall-Malti, taħt it-titlu dar fil-limbu, flimkien ma’ poeżiji oħra li qatt ma ġew ippubblikati qabel. Dawn il-poeżiji ġodda nkitbu waqt li kienet il-Ġermanja. Il-poeżija “After Emile Friant’s Douleur” tippreżenta b’mod vivaċi l-emozzjonijiet differenti mqanqla minn din il-pittura. “The Harrowing” tirkeb fuq iċ-ċikli tal-ħajja u l-ġmiel tar-raba’ qabel u wara l-ħsad – “this reaping is your release, / unburdened, barren, brown / and every memory a blur.”

Fil-kitba ta’ Calafato, hemm sens qawwi ta’ kariżma u senswalità naturali, li waqt li tinħass modesta tibqa’ affaxxinanti. Il-kitba tagħha ssejjaħ għas-sensi tagħna tal-mess u x-xamm – permezz tal-għażel u l-ġebel, iċ-ċedru u l-irmied – kif ukoll għas-sens taż-żmien u l-ispazju, waqt li bejn storja u oħra teħodna fi vjaġġ, mill-istorja antika għal dak li qed jiġri bħalissa.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg


2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies