Vella huwa wkoll traduttur letterarju, u ttraduċa diversi xogħlijiet mit-Taljan għall-Malti. Fl-2023, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Kiteb permezz ta’ Mur Ġibek… Eżerċizzji ta’ Tortura u Seduzzjoni (Horizons, 2022), traduzzjoni mit-Taljan ta’ rumanz minn Irene Chias li nħareġ oriġinarjament fl-2013.
Sa minn età żagħżugħa, Vella ħass l-impuls li jikteb, b’ġibda partikolari lejn l-aspetti l-aktar moħbija u miknusa taħt it-tapit tas-soċjetà Maltija. Bil-mod il-mod din il-ġibda evolviet fi preokkupazzjoni usa’ dwar it-temi tal-klassi, il-poter u l-Istorja. Fost l-influwenzi letterarji tiegħu nsibu lil Juann Mamo, li s-satira taqta’ tiegħu baqgħet tidwi ġo moħħu, u Immanuel Mifsud, li l-esplorazzjoni tiegħu tal-imsaren l-aktar oskuri tal-umanità ħalliet impatt ċar fuq xogħlu.
L-unika rumanz tiegħu sa issa, X’seta’ ġralu lil Kevin Cacciattolo? (Merlin Pubishers, 2014) jispikka bħala xogħol uniku waqt li fl-istess ħin jidħol fi ħdan it-tradizzjoni usa’ letterarja. In-narrattiva sseħħ matul żewġ eri partikolari tal-Istorja Maltija, it-tmeninijiet, fi żmien il-qasma politika kkaratterizzata mill-vjolenza, u l-ewwel snin tad-disgħinijiet, meta t-turbulenza naqset imma xorta baqgħet tidwi fl-isfond.
Ir-rumanz huwa simili għall-illużjoni optika tal-vażun ta’ Rubin u jġiegħel lill-qarrejja jitbandlu bejn dak li jinkixef u dak li jinħeba. Il-qasma bejn il-figura u l-art hija mċajpra, u t-tifsira tfiġġ momentarjament fl-ispazju negattiv bejn l-ewwel parti tal-istorja li tinvolvi lil Kevin Cacciattolo tifel u l-aħħar parti li fiha ġurnalist jipprova jiskopri x’ġara lil dan it-tifel. Il-misteru tal-għajbien ma jingħalaq qatt, u r-rumanz iħalli lill-qarrejja mingħajr konklużjoni definittiva. Madankollu, l-aħħar paġni tar-rumanz jagħtu ħjiliet sottili dwar x’seta’ ġara lit-tifel.
Ħafna minn dan hu magħġun mill-interpretazzjoni ta’ Vella tar-realtà kif ippreżentata fir-rumanz, amalgamazzjoni ta’ fatturi interni u esterni li daqskemm tenfasizza, timmina verità li tinsab f’kunflitt magħha nnifisha u li ma tistax tikkonkludi sakemm ma tħaddanx dan il-paradoss. Bħall-kwotazzjoni li biha jiftaħ ir-rumanz The Catcher in the Rye ta’ J.D. Salinger (meta n-narratur jiddikjara li l-unika xewqa tiegħu hija li jwaqqaf liż-żgħażagħ milli jaqbżu minn fuq irdum), Vella jidher li l-akbar intenzjoni tiegħu hija li jaqbad veritajiet żgħar, mumentarji, aktar milli l-verità l-kbira, l-assoluta. Fil-fatt, jista’ jiġi argumentat li l-protagonist veru tal-ġrajja mhuwiex Kevin Cacciattolo, imma l-mistoqsija nfisha ppreżentata fit-titlu. Hija mistoqsija li tissuġġerixxi inċertezza, spekulazzjoni, u numru ta’ possibbiltajiet, li kollha kemm huma jimplikaw li d-destin ta’ Kevin huwa fl-aħħar mill-aħħar miftuħ għall-interpretazzjoni. Kull verità għandha l-limiti tagħha, madankollu l-konfini jibqgħu elużivi, impossibbli li tiddefinihom b’ċertezza jew li tifhimhom. Il-verità trid tinbena mhux minn espożizzjoni diretta imma mill-interazzjoni bejn il-preżenza u l-assenza.
Ix-xogħol ta’ Vella jispikka minħabba li jħaddan l-idea li l-verità qatt mhi assoluta u konsegwentement hija dejjem fluwida u magħġuna minn perċezzjoni aktar milli minn tweġibiet definittivi.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg