MarkCamilleri

1.

Bijografija

Mark Camilleri twieled il-Pietà nhar it-30 ta’ Lulju 1977. Wara diversi snin ta’ ħidma fil-qasam edukattiv bħala għalliem u Assistent Kap ta’ skola primarja, inħatar Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Mur fil-biblijografija

Camilleri jibqa’ jaf lill-kittieb, lingwista, u etnografu Ġorġ Mifsud-Chircop bħala l-ewwel persuna li emmnet f’xogħlu. Madankollu, bħala kittieb tal-proża fittizja, il-vera passjoni ta’ Camilleri tmur lil hinn mill-qasam ta’ Mifsud-Chircop u l-passjoni tiegħu hija dik tal-ġeneru tad-Ditektiv. Il-kittieb Sqalli rinomat u daqstant ieħor popolari, li jħaddan l-istess kunjom bħalu, Andrea Camilleri, huwa wieħed mill-akbar influwenzi tiegħu, partikolarment is-serje tal-Ispettur Montalbano.


Camilleri minn dejjem kien jemmen bi sħiħ fl-importanza tal-finzjoni tal-ġeneru tad-Ditektiv. Il-karattri intriganti, bla skrupli, u l-plotts mimlija intriċċi ta’ dan il-ġeneru jwasslu għal narrattivi mimlija tensjoni li jaħkmu lill-qarrejja u fl-istess ħin jesploraw il-ġustizzja, l-etika u l-korruzzjoni. Barra minn hekk, Camilleri, permezz tal-kontribuzzjoni tiegħu, ried itejjeb dan il-qasam letterarju, minħabba li ftit huma l-kittieba Maltin midħla tiegħu, u daqstant ieħor huma skarsi tali rumanzi.

Din is-sensazzjoni ta’ kittieb fil-periferiji hija riflessa fil-protagonist tiegħu, l-Ispettur Victor Gallo, li huwa impenjat bi sħiħ għall-ġustizzja, b’konvinzjoni sħiħa li l-kriminali jridu jħallsu għal dak li jwettqu. Madankollu, huwa karattru bin-nuqqasijiet tiegħu, kultant jintrikeb mill-vizzji li għandu, jew jitkaxkar mill-emozzjonijiet. Dan kollu huwa evidenti fl-ewwel rumanz tiegħu, Prima Facie (Merlin Publishers, 2010), li fih il-moħħ wara delitt faħxi jolqotlu l-aktar punt dgħajjef tiegħu – il-familja – f’konfront li daqskemm jittestjalu l-prinċipji tiegħu, jiżinlu kemm jiflaħ irażżan lilu nnifsu. Bħala uffiċjal fil-korp tal-pulizija, Gallo jkollu jaħdem fil-konfini ta’ qafas uffiċjali, sistema imperfetta mimlija sfidi burokratiċi li kultant ixxekkel l-infurzar tal-liġi. Dan kollu jiftaħ tieqa fuq il-prezz psikoloġiku li Gallo jkollu jħallas bix-xogħol investigattiv tiegħu.


Punt ieħor sod fil-kitba ta’ Camilleri huwa l-attenzjoni metikoluża għad-dettall tiegħu, speċjalment fl-istrutturar tal-plotts. Ir-rumanzi tiegħu huma mibnija fuq pedament ta’ riċerka fid-dettall li ssaħħaħ l-awtentiċità u l-profondità tan-narrattiva tiegħu. Dan huwa evidenti f’Nex (Merlin Publishers, 2016), it-tielet rumanz ta’ Victor Gallo, li fih l-investigazzjoni kriminali tinkludi każ mhux solvut li seħħ diversi snin qabel. Fin-narrattiva, naraw firxa wiesgħa ta’ karattri minn eri differenti, kollha marbuta b’mod kumpless, li r-relazzjoni ta’ bejniethom tinkixef fl-aħħar kapitli tar-rumanz.


Minbarra l-plott metikoluż tiegħu, Nex juri għarfien qawwi tal-bidliet soċjali li jseħħu matul is-snin. Fil-bidu tiegħu, ir-rumanz jippreżenta sejba waħxija ta’ tlett iswaba’ maqtugħa, u din titpoġġa f’korrelazzjoni ma’ att kriminali fil-preżent. Permezz ta’ din it-tattika, juri kemm minkejja li jgħaddi ż-żmien, id-dnub ma jorqodx u l-impatt tal-vjolenza jibqa’ dejjem disturbanti. Is-saffi moħbija fir-rakkontar ta’ Camilleri jagħnu l-moviment tal-ġrajja, u permezz ta’ dan jippermetti lill-qarrejja jinħakmu aktar min-narrattiva.


Il-finzjoni tal-ġeneru kriminali hija waħda mill-aktar dinamiċi u pjaċevoli fil-letteratura. Il-qawwa ta' dan il-ġeneru tinsab fin-nisġa ta' plotts interessanti, fid-dilemmi morali li jippreżenta u fil-kumplessitajiet tal-ġustizzja li jidħol fihom. Il-kontribut ta’ Camilleri mhux jgħin biss biex iwessa’ l-ġeneru polizjesk, imma wkoll biex jintroduċi livell ta’ profondità u sofistikazzjoni, u jgħollilu l-prestiġju fix-xena letterarja Maltija.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Alias

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Mill-Istorja tal-Futbol Malti

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Nex

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Volens

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta

Prima Facie

Proża
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies