MarjanuVella

1.

Bijografija

Marjanu Vella twieled Tas-Sliema fl-14 ta’ Diċembru 1927. Ta’ tmintax -il sena, wara li ġab l-eżamijiet tal-Matrikola fit-Taljan u l-Malti, huwa ngħaqad mal-Ordni Franġiskana. Seba’ snin wara, huwa ġie ordnat qassis.

Mur fil-biblijografija

Hu bix-xieraq li Vella huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa poeti Maltin. Naturalment, il-fidi Kattolika tispikka fix-xogħlijiet tiegħu; hu jissielet biex jgħaqqad l-intimu mal-kożmiku, għaliex kien jemmen li anke l-aktar affarijiet sempliċi u ta’ kuljum jistgħu jkunu manifestazzjoni tas-sagru.

L-għasafar huma xbieha rikorrenti fil-poeżiji ta’ Vella. Għalih, dawn huma fundamentalment kreaturi tal-art għaliex jieklu u jbejtu hawn. Madankollu, huma wkoll kreaturi tal-ajru u għalhekk Vella jqishom li huma eqreb lejn Alla mill-bnedmin. Kultant, dan l-aspett li l-għasafar għandhom relazzjoni eqreb ma’ Alla, jiffrustra lil Vella għaliex donnhom l-għasafar ingħataw aċċess għad-divin li hu m’għandux. Fil-poeżija “Qatt”, l-għasafar jirrappreżentaw dan ir-rapport misterjuż ma’ Alla. Vella donnu jitfixkel quddiem dan il-misteru, did-dehra ta’ gawwi għajjien li normalment ibassar il-maltemp. Imma s-sema hu ċar u l-baħar hu kalm. Ma jafx minn fejn ġej u xi skop għandu. Jasal mat-tokki tat-tlieta ta’ waranofsinhar, tfakkira kiebja tas-siegħa tal-mewt ta’ Kristu fuq is-salib, u dan joħloq sens ta’ diqa f’ġurnata li tidher sabiħa. Dan il-ħabi min-naħa ta’ Alla jħasseb lill-poeta b’mod intens meta hu jemmen li x-xenqa biex jifhem u jiltaqa’ ma’ Alla għandha tkun il-milja tal-esperjenza umana.

Ħafna drabi Alla jibqa’ silenzjuż, kważi indifferenti lejn l-ansjetajiet u t-tbatijiet ta’ Vella. F’“Issa”, il-poeta jrid tweġiba immedjata, issa, tal-mistoqsija eżistenzjali (“Jien min jien?”) għaliex jipprova kemm jipprova, ma jistax isib tweġiba li tissodisfah. Hu mxekkel permezz tal-ġisem korporali u tal-intellett, maqbud bejn did-dinja u l-ġenna, itturmentat mid-dubji u minn ħsibijietu. Din hija l-antiteżi ta’ das-serħan li wieħed suppost jesperjenza meta jafda b’għajnejh magħluqa fid-divin. Madankollu, it-talb kontinwu ta’ Vella lil Alla jinbidel f’kontemplazzjoni intima tar-relazzjoni mad-divin, u fl-aħħar jirnexxilu jilħaq stat armonjuż bejn id-dubji insistenti u l-fidi b’saħħitha. Paradossalment, huwa t-turment li jkun maqtugħ minn Alla li jwasslu u jgħaqqdu mad-divin.

It-tbatijiet, il-malinkonija u l-iżolament jikkundizzjonaw ir-realtà spiritwali ta’ Vella. Kristu ħalla l-ħbiberija mal-appostli meta kien wasal il-waqt li jmut u jifdi d-dnub tal-bniedem, u Vella jippretendi l-istess minnu nnifsu. Jippretendi li jinkarna l-paradoss fiċ-ċentru tal-fidi Kattolika: il-milja li tintlaħaq b’ħafna tbatija.

Marjanu Vella miet fil-25 ta’ Frar 1988.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies