LouisBriffa

1.

Bijografija

Imwieled Ħ’Attard fl-1971, Louis Briffa beda jesperimenta bil-poeżija meta kellu biss disa’ snin. Huwa jikkunsidra l-prattika bħala xejn ħlief neċessità bażika, u jħaddem is-sengħa tal-vers biex jaqbad il-proċessi emozzjonali tal-ħajja bl-istess mod li ilu jużaha minn meta kien tifel sal-lum il-ġurnata.

Mur fil-biblijografija

Kif jixhdu t-titli taż-żewġ ġabriet tal-poeżija tiegħu, Briffa juża l-metafora marbuta mas-sengħa – partikolarment, l-għodod tal-mastrudaxxa – apposta sabiex jindika l-isforz lejn l-irfinar lingwistiku li titlob il-poeżija. L-ewwel ġabra tiegħu, l-antoloġija mdaqqsa Bil-Varloppa, ħarġet fl-2006, u ġabret fiha poeżiji miktubin mil-1985 sal-2005. Il-ġabra wriet li Briffa huwa poeta sinifikanti fost il-poeti sħabu, u Oliver Friggieri ddeskrivieh bħala “poeta tal-imħabba”, filwaqt li l-awtur Sergio Grech qal li Briffa jirrappreżenta l-essenza ta’ dak li għandu jkun poeta – xi ħadd li jaqbad dak li huwa essenzjali f’esperjenza qabel jittrasformaha f’poeżija. Bil-Varloppa ġibed ukoll l-attenzjoni tal-bijoloġista tal-baħar u l-attivist ambjentali Alan Deidun, li ddeskriva t-taqsima tematika tal-poeżiji fl-antoloġija li għandhom x’jaqsmu mal-ambjent bħala każ ta’ meta l-pinna tikxef snienha u turi l-poter li għandha. Huwa ddeskriva l-ġabra bħala l-protesta tal-poeta li jeħodha kontra l-qerda bla waqfien tal-wirt naturali tagħna taħt idejn l-ispekulaturi.

Qabel ma xogħlu ġie ppubblikat, Briffa sar magħruf fix-xena letterarja billi serva bħala l-editur letterarju tal-gazzetta ta’ kull ġimgħa KullĦadd mill-1994 sal-1998. Huwa kien jipproduċi u jippreżenta l-programm televiżiv letterarju Nixxiegħa għall-PBS, u kien il-president tal-Għaqda Letterarja Maltija mill-2007 sal-2008. Qabel ma qabeż għall-ewwel antoloġija tiegħu, il-versi tiegħu dehru fil-ġabra ta’ Poeżijaplus Jiflu Żmienhom (2003).

It-tieni antoloġija tiegħu kienet The Tale of a Grasshopper and a Tomato and Other Poems, ġabra bilingwi li kienet tinkludi t-traduzzjoni Ingliża tal-poeżiji ta’ Briffa minn Rose Marie Caruana. Ġabra sostanzjali oħra kellha ssegwi fl-2018: il-ġabra Bil-Boqxiex, ippubblikata minnu stess, maqsuma f’disa’ sezzjonijiet tematiċi bil-poeżiji li kiteb bejn l-2006 u l-2017.

Apparti mill-premji li ngħatawlu mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Briffa rebaħ ukoll Premju Ġieħ Ġużè Aquilina (1998), il-Premju Letterarju Marjanu Vella (2000) u ngħata Premju Ġieħ Ħal Lija fl-2020, f’ġieħ il-kontribuzzjonijiet tiegħu lil-letteratura Maltija.

Miktuba minn Teodor Reljić u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Bil-Boqxiex

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
L-Awtur

The Tale of a Grasshopper and a Tomato and other Poems

Poeżija
Malti
Ingliż
Kitba
Traduzzjoni
Rose Marie Caruana
Pubblikazzjoni
L-Awtur

Bil-Varloppa

Poeżija
Malti
Kitba
Premjijiet
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb
Pubblikazzjoni
PEG, Malta

Għażla ta' poeżiji / Selection of poems

f'“Jiflu Żmienhom: ġabra ta’ kitbiet tal-Poeżijaplus”
Poeżija
Malti
Kitba
Editjar
Charles Briffa
Pubblikazzjoni
Klabb Kotba Maltin, Malta
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies