Kirkop twieled Malta fl-1991, taħt l-isem uffiċjali, Marlon Chircop. Studja l-MCAST u fl-2017 iggradwa b’Baċellerat fl-Arti. Baqa’ jistudja u fl-2022 kiseb Maġisteru fil-Printmaking mill-Cambridge School of Arts fir-Renju Unit. Snin qabel, fl-2018, tella’ l-ewwel wirja personali tiegħu. Spiss jikkollabora ma’ artisti viżivi oħra, u fl-2022 kien wieħed mill-artisti magħżula għall-Woolwich Contemporary Print Fair. Iddebutta fil-qasam teatrali permezz ta’ tliet drammi fil-Cospicua Short Play Festival tal-2019: Fil-Ħajja li Jmiss, Limbu, u Elektra, b’dan tal-aħħar jirbaħ il-premju għall-Aqwa Skritt.
Kirkop rebaħ il-Festival tal-Għanja tal-Poplu bħala awtur u kompożitur tal-kanzunetta “Fil-Kexxun.” Fil-qasam letterarju rebaħ il-Konkors ta’ Letteratura għaż-Żgħażagħ tal-2020 imtella’ mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u Aġenzija Żgħażagħ, permezz tal-manuskritt għar-rumanz tiegħu Mitt Elf Isem Ieħor: Happy Vegan Girl Jules li ġie ppubblikat fis-sena ta’ wara minn Merlin Publishers. Huwa rumanz ispirat min-neputija tiegħu u l-perċezzjoni tal-ħtieġa tal-ġenerazzjoni tagħha li tkun famuża, li jarawha – speċjalment bħala riżultat tal-influwenza tal-midja soċjali. Iż-żewġ protagonisti tar-rumanz jinsabu f’kurrent ta’ azzjoni u reazzjoni. Waħda minn dawn il-protagonisti hija tant influwenzata mill-“fama” tal-oħra li eventwalment tħalliha tibdilha u taqlibha fiha nfisha, b’mod li fl-aħħar jiġu esposti bħala persuna waħda. Dan ix-xogħol jippreżenta l-argument tal-importanza tal-materjaliżmu fil-ħajja, u l-impatt li l-pjattaformi tal-midja soċjali qed iħallu fuq iż-żgħażagħ.
Fl-istess qasam, Kirkop rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb permezz tal-ġabra ta’ drammi Fil-Ħajja li Jmiss u Drammi Oħra tat-Triq (2022). Din hija ġabra ta’ ħames drammi tat-triq li biha Kirkop jippreżenta elementi soċjali differenti bħall-imħabba, l-esplojtazzjoni u d-drag queens, li huma ħafna drabi ibsin fihom infushom u kollha kemm huma ispirati minn ħajtu u l-ġrajjiet kurrenti. Fil-ħames drammi, naraw l-importanza li Kirkop jagħti lir-rabtiet bejn il-karattri, u kif huwa jinseġ l-istejjer b’mod immaġinattiv, bir-realtà u x’inhu għaddej madwaru jservu bħala l-ispirazzjoni ewlenija. Imbagħad fid-dramm, “Fil-Ħajja li Jmiss,” jippreżenta żewġ maħbubin jaqsmu l-aħħar ikla bejniethom, bħalma għamlu f’ħajjiet oħra fl-imgħoddi, bħala Adam u Eva, jew bħala Antonio u Kleopatra. Fl-2023, rebaħ il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mogħti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Fl-2025, ippubblika Is-sajf mhux għat-tfal, ġabra ta’ novelli li kollha jseħħu jew jiġu influwenzati mix-xhur sajfin. Huma novelli li jiffokaw fuq is-senswalità, u permezz tagħhom Kirkop jesplora perspettivi differenti dwar is-sess u s-sesswalità, u s-senswalità bħala forza ta’ konnettività u kreattività. Bejn il-karattri nsibu nisġa li tgħaqqadhom, li fl-istess ħin tgħaqqad lilna wkoll bħala qarrejja u awturi tal-istejjer tagħna. Fix-xogħol ta’ Kirkop, ir-rakkont mhuwiex bilfors iċ-ċentru ta’ kollox; huma l-karattri u l-evoluzzjoni tagħhom li huma l-aktar kruċjali. Xogħol Kirkop, bid-diversi modi tiegħu, jesplora x’inhu dak li jagħmilna umani u awtentiċi, u dan kollu jitwassal permezz tal-kitba.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg