LinoSpiteri

1.

Bijografija

Lino Spiteri kien kittieb, poeta, ekonomista u politiku Malti. Kien il-korrispondent lokali ta’ The Guardian u The Observer, kif ukoll aġent editur tal-gazzetta It-Torċa, editur tal-Malta News u Kap tal-Pubblikazzjonijiet tal-Union Press.

Mur fil-biblijografija

Qabel ma ngħaqad mal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Spiteri ħadem ukoll bħala riċerkatur mal-Kamra tal-Kummerċ. Matul ħajtu baqa’ dejjem involut fil-politika bħala kummentatur u analista għal diversi gazzetti, fosthom The Times of Malta u The Sunday Times of Malta. Bħala ekonomista, kien membru ta’ diversi bordijiet u anki serva bħala direttur.


Spiteri twieled Ħal Qormi fl-1938f’. Studja l-Liċeo u kompla jistudja l-politika u l-ekonomija f’St. Peter’s College ta’ Oxford. Lura Malta, involva ruħu fil-politika bħala membru tal-Partit Laburista. Fl-età ta’ tlieta u għoxrin sena, ġie elett Membru Parlamentari, serva bħala Ministru tal-Finanzi, kif ukoll bħala Ministru tas-Snajja’ u l-Ippjanar Ekonomiku. Fil-Parlament, serva b’kollox għal tlieta u għoxrin sena. Spiteri ngħata Ġieħ ir-Repubblika u fl-2008 nħatar Kumpann tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu.


Spiteri kiteb rumanz u diversi novelli. L-ewwel ġabra ta’ novelli tiegħu hija Tad-Demm u l-Laħam (1968) li fl-1978 reġgħet ġiet ippubblikata b’isem ġdid Anatomija. It-tieni ġabra tiegħu hija Ħala taż-Żgħożija u stejjer oħra, li wkoll reġgħet ġiet ippubblikata, fl-1979 b’isem ġdid Iż-Żewġt Iħbieb u stejjer oħra. Wara ppubblika Il-Ħalliel u stejjer oħra (1981), Mal-Ħmura tas-Silla u stejjer oħra (1993) u Meta Jdellel il-Qamar (2005). Ħafna min-novelli tiegħu jeżaminaw it-temi soċjali fi ħdan is-soċjetà Maltija, waqt li jikxfu u jinfilsaw tensjoni bejn il-personali u l-kollettiv. F’Island Faces: four novellas from Malta (2011), Spiteri jkompli jesplora l-psikoloġija u l-klassi – ir-realtà tal-karattri tinkixef aktar mill-azzjonijiet tagħhom milli minn kliemhom, u jitfa’ dawl fuq dak il-ħwejjeġ li sirna għomja għalihom jew li forsi minn dejjem konna għomja għalihom.


Sat-tmiem tal-karriera tiegħu, kitieb mal-mitt storja u għaxra, il-biċċa l-kbira b’għeruqhom fir-realiżmu soċjali u mgħaddsa f’elementi soċjopolitiċi. Ir-rumanz Rivoluzzjoni, do Minore huwa eżempju klassiku għax jirrakkonta l-futilità tal-kunflitti politiko-reliġjużi li seħħew f’Malta fis-sittinijiet li Spiteri nnifsu esperjenza waqt l-ewwel involviment tiegħu fil-politika. Spiteri ppubblika tliet ġabriet ta’ artikli u esejs politiċi u ekonomiċi: Għalik (1987), Jien u Għaddej fil-Politika: ġabra ta’ memorji  (2007) u L-Onorevoli (2007) li jirrakkuntaw stejjer miktuba matul il-karriera politika tiegħu. Imma Spiteri kien ukoll poeta, u ppubblika tliet antoloġiji: Stqarrija (1978), Jien Nimxi Waħdi (1987) u Għaliex ix-Xwiek (1998).


F’kull aspett ta’ ħajtu, Spiteri serva b’qalbu kollha, xogħlu kien vokazzjoni, li josserva l-kundizzjoni umana, waqt li jesploraha u jiċċelebraha kemm b’battuti umoristiċi kif ukoll b’ironija. Il-kitba tiegħu tiżvela integrità rari, ġlieda għat-tolleranza, l-ugwaljanza u l-ġustizzja. Fl-istess ħin, f’soċjetà mimilja polarizzazzjoni politika u emarġinazzjoni soċjali, niseġ l-aħrax mad-delikat, u t-tajjeb mal-ħażin. Spiteri jisfida l-morali u l-valuri tagħna bħala soċjetà, u jippreżenta l-konvenjenza kontra l-konvinzjoni. Waqt li s-sens ta’ ħela u t-telfa spiss jitilgħu fil-wiċċ, magħhom xorta hemm elementi ta’ ferħ, ħelsien u tama.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg.

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies