LaraCalleja

1.

Bijografija

Imwielda fl-20 t’Awwissu 1988, nistgħu ngħidu li Lara Calleja tirrappreżenta l-ġenerazzjoni l-ġdida tal-kittieba Maltin. L-istejjer tagħha huma intimi u politiċi fl-istess ħin, il-karattri jħaddnu introspezzjoni imma jafu wkoll x’qed jiġri madwarhom. Barra minn hekk, tagħti attenzjoni lid-dimensjonijiet spiritwali u emozzjonali tal-aspetti differenti tal-ħajja.

Mur fil-biblijografija

Lucy min? (Merlin Publishers, 2016) hu rumanz dwar żagħżugħa għadha tibda l-ħajja li qed tgħix f’dinja li mhix dejjem ħanina; tipprova tagħmel mill-aħjar li tista’ f’sitwazzjonijiet diffiċli li jistgħu jkunu ta’ qerq u stressanti. Kelma ma tomgħodhiex u titkellem b’mod apert fuq dak kollu li jiġri f’ħajjitha. Din il-vuċi onesta qed tiġi mbuttata ʼl quddiem permezz ta’ bżonn li tfittex x’hemm wara n-normi tas-soċjetà. Tinduna li l-ħajja rarament titfassal bi ġrajjiet importanti, imma minflok tipprova tifhem b’mod kontinwu x’inhu l-irwol jew l-identità, u jekk hemm xi skema jew pjan, għandhom ikunu fluwidi u mhux pjanati. In-nisġa tar-rumanz turi dan billi tħalli sensiela ta’ narrazzjonijiet non sequiturs, bħal meta missier Lucy jidher fil-bidu tal-istorja u mbagħad ma jissemma qatt aktar.

Madankollu, Lucy fl-ebda ħin ma titwarrab mill-esperjenza tad-dinja ta’ madwarha. Hi differenti b’personalità b’saħħitha imma l-ġrajja eżistenzjali ma ddurx mal-asserzjoni tal-identità tagħha. Minflok, Lucy tesperjenza kriżi mwielda mid-disperazzjoni, li tħossha mhux utli u mingħajr l-ebda tama, u dan idallam u jħawwad kull sens ta’ skop li jista’ jkollha. Calleja twassal il-karattri tagħha sat-tarf sabiex jaffaċċjaw lilhom infushom u l-ansjetajiet tagħhom. Il-ġrajja tagħhom issir inkontru formattiv li hu akbar minnhom.

Fi wħud mill-istejjer qosra mill-antoloġija rebbieħa Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers, 2020), Calleja teżamina dan il-kunċett f’aktar profondità. F’“ʼIl Bogħod”hi tuża xbieha ta’ grada sewda u tqila li żżomm in-nies ʼil barra. Dawn l-individwi jippruvaw jagħmlu kuntatt man-narratriċi bla isem tal-istorja imma hi timbuttahom ʼil bogħod. In-narratriċi ttihom daharha u tiffaċċja s-swidija immensa ta’ quddiemha waqt li tħossha daqslikieku qed iddub fiżikament. Ix-xbieha tal-qamar hi l-uniku punt ta’ referenza għaliha waqt li tinża’ minn kull sens ta’ stennija u assunzjoni li ħakmulha l-eżistenza tagħha. Hija qabża fid-dlam, fejn tixxennaq li ssib il-jien li hu aktar veru, li mhux imxekkel b’“veritajiet” kollettivi. Dan kollu ma jħallihiex taljena lilha nnifisha mis-soċjetà. Anzi, issir aktar konxja ta’ min hi fil-komunità li tgħix fiha. Il-viżjoni ta’ min hi hi lluminata minn din l-esperjenza ta’ twaħħid mal-univers li eventwalment se tibbenefika minnu s-soċjetà stess, l-istess soċjetà minn fejn in-narratriċi rtirat b’mod temporanju.

Fil-wiċċ, Calleja tista’ tiġi interpretata bħala kittieba politika imma jekk wieħed iħaffer fil-fond isib spiritwalità li tinforma lil xogħolha. Għaliha, l-eżistenza materjali m’għandhiex valur sakemm mhux imwaħħda ma’ ċentru spiritwali u emozzjonali.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Taralalla

Skritt tat-teatru
Malti
Direzzjoni
Lee-N Abela
Produzzjoni
Spazju Kreattiv

Kissirtu Kullimkien

Proża
Malti
Premjijiet
Rebbieħ tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju Letterarju Ewropew
Pubblikazzjoni
Merlin Publishers
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies