Friggieri, fost affarijiet oħra huwa wkoll poeta, drammaturgu, direttur tat-teatru, liriċista u novellier. Serva f’diversi kumitati, fosthom il-Kumitat tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel u l-Awtorità tax-Xandir, kif ukoll kien President tal-Kunsill Malti għall-Arti. Kien ukoll l-editur ta’ diversi rivisti u gazzetti, bħal Arti, Illum u Kultura 21.
Xprunat mill-imħabba tiegħu lejn il-palk, kiteb u dderieġa drammi, fosthom uħud ta’ Shakespeare. Id-drammi oriġinali tiegħu ġew tradotti għall-Ingliż u l-Franċiż. Idderieġa għadd ta’ opri u kiteb l-ewwel opra bil-Malti, Il-Wegħda, li Charles Camilleri kkompona l-mużika tagħha.
Madankollu, Friggieri x’aktarx li l-aktar magħruf għall-ħolqien tal-karattru tant maħbub Ronnie. L-ewwel ġabra, L-Istejjer tar-Ronnie (1992) u t-tieni ġabra Aktar Stejjer tar-Ronnie (2007) kienu bestsellers lokali. Oriġinarjament, ġew ippubblikati bħala serje ta’ novelli mill-gazzetta Il-Ġens bejn l-1989 u l-1991, u huma stejjer li jduru ma’ Ronnie, raġel ordinarju ta’ mezza età b’mara u erbat itfal – pjuttost Ġanni Borg tipiku. Dawn l-istejjer tant kienu popolari li eventwalment ġew addattati għal serje televiżiva.
Friggieri juża lil Ronnie biex juri, jikkritika, jipproblematizza u jissatirizza soċjetà li ħafna drabi hija assorbita fiha nnifisha, u li kultant tinsa l-umanità li tagħmilha dik li hi. Partikolarment notevoli huma r-riflessjonijiet ta’ Friggieri fuq il-politika u t-tribaliżmu prevalenti fil-gżira. L-istejjer ġew ippubblikati meta qagħdet il-qiegħa wara l-inkwiet politiku tat-tmeninijiet, u permezz tal-isfortuni aċċidentali ta’ Ronnie, Friggieri joffri ritratt tal-istorja riċenti ta’ Malta. B’novelli bħal “Bojkot” u “Bla Ilma”, jippreżenta illustrazzjoni b’kuluri jgħajtu tal-estremitajiet assurdi xprunati mill-fanatiżmu politiku fis-soċjetà.
Mandankollu, li jispikka huwa l-faċilità li biha tista’ ssib l-umoriżmu fis-sitwazzjonijiet prekarji ta’ Ronnie, minħabba li huwa dejjem joħroġ bħala vittma taċ-ċirkostanzi aktar milli ta’ xi persuna brillanti. Ronnie, dejjem ibbulljat mid-dinja, saħansitra minn familtu, u nieqes mill-għarfien tiegħu nnifsu meħtieġ biex itejjeb lilu nnifsu. Dan jagħni lin-narrattiva bi sfond kattiv minħabba li t-trattament ħażin jasal mhux biss mnejn hemm il-poter imma anki mill-qraba u l-ħbieb ta’ ġewwa. Waħda mill-akbar traġedji sseħħ mhux daqstant bħala konsegwenza tal-fatt li Ronnie jispiċċa vittma taċ-ċirkostanzi daqskemm mill-fatt li huwa ma jirrealizzax dan kollu.
Is-sengħa u l-versatilità ta’ Friggieri jispikkaw fil-kreazzjonijiet diversi tiegħu. Il-kritika taqta’ tas-soċjetà, l-umoriżmu u l-għarfien profond ta’ xogħlu, kif ukoll il-kontribut enormi li ta lill-akkademja, l-arti u lid-dibattitu pubbliku, diffiċli ma jintefħux aktar milli jixirqilhom.
Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg