ĠużèStagno

1.

Bijografija

Ġużè Stagno twieled Marsaxlokk, raħal tas-sajjieda, fil-21 ta’ Settembru 1976. Wara perjodu ma’ kumpanija parastatali, Stagno reġa’ beda jistudja. Bħalissa qed jaħdem bħala interpretu għal istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell, belt li issa ilu jgħix fiha għal diversi snin.

Mur fil-biblijografija

Stagno jaf il-vjaġġ tiegħu fil-kitba lill-għalliem tal-Ingliż tiegħu Henry Holland, li huwa wkoll poeta. Fl-2001, daħal fix-xena permezz tar-rumanz Inbid ta’ Kuljum, u segwa dan b’rumanz ieħor, Xemx, Wisq Sabiħa. Iż-żewġ rumanzi kienu ppubblikati minn Minima Publishers, li llum magħluqa. Kienu rumanzi li ħolqu kontroversja minħabba l-użu tal-lingwa vulgari, sa dak iż-żmien rarità fil-letteratura Maltija. Il-għagħa dwarhom kienet mogħtija aktar in-nar mill-preżentazzjoni ta’ Stagno nnifsu bħala kittieb ribelluż, l-enfant terrible tal-letteratura Maltija, li ma jibżax jikkritika awturi oħrajn u xogħolhom.


Il-korp ta’ xogħol ta’ Stagno huwa pjuttost awtobijografiku, li jispira ruħu minn ambjenti u karattri li jirriflettu ħajtu, u l-esperjenzi personali bħall-isfidi u l-frustrazzjonijiet ta’ xi ħadd b’talent intellettwali fil-klassi tal-ħaddiema Maltija. Stagno jevita li jirromantiċizza l-isfond tiegħu f’din il-klassi, u jirrikonoxxi li fuq kollox is-sitwazzjoni hija dovuta għaċ-ċirkostanzi tat-twelid imżewġa mad-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-kors tal-ħajja. Huwa għalhekk li Stagno japprezza x-xogħol tal-attur Taljan Paolo Villaggio, li l-preżentazzjoni pikareska tal-klassi tal-ħaddiema tiegħu hija kemm komika kif ukoll satirika.


L-istejjer ta’ Stagno, bl-attenzjoni għad-dettall tiegħu, iservu bħala kwadrett ta’ perjodu partikolari, li jippermettu lil dawk tal-ġenerazzjoni tiegħu biex jirrelataw magħhom. Ngħidu aħna, f’Ramon u ż-Żerbinotti, Stagno jipprovdi ritratt straordinarjament preċiż ta’ adolexxenti Malti fid-disgħinijiet, fih idaħħal ditti speċifiċi u riferenzi mill-kultura pop ta’ dik l-era.


Stagno laħaq l-apiċi tal-karriera tiegħu bir-rumanz soċjopolitiku u satiriku What Happens in Brussels Stays in Brussels (2013), li jdur ma’ Gustav, ġurnalist ċiniku li jingħaqad ma’ grupp ta’ turisti fi żjara lejn il-belt kapitali tal-Belġju organizzata minn partit politiku lokali. Brussels huwa addattament modern ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka (1930-31) ta’ Juann Mamo li jsegwi grupp ta’ ċittadini Maltin mill-klassi tal-ħaddiema li jittantaw xortihom fl-Amerika. Bħal Mamo, Stagno ma joqgħod lura xejn milli jikxef l-insularità distruttiva, l-opportuniżmu u l-konservattiviżmu fil-qalba tal-ġlidiet tagħhom. B’mod metikoluż, Stagno jaqbad il-vernakular, il-mod ta’ ħsieb u l-imġiba tal-karattri tiegħu. Ħafna mill-kritika fl-isfond tiegħu tinsab fil-wegħda falza li l-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea se tibdel b’xi mod l-mentalità fissa tal-Maltin. Il-vjaġġ ta’ Gustav la jifdih u lanqas jibdlu; sempliċiment jagħmlu aktar konxju tal-limiti psikoloġiċi tiegħu imma fl-aħħar mill-aħħar ma jieħu ebda azzjoni biex jindirizzahom.


Bħalissa, Stagno estenda s-sabbatiku li impona fuqu nnifsu mill-kitba u huwa assorbit f’passjoni oħra tiegħu: il-kollezzjoni u l-fotografija tat-tokusatsu Ġappuniżi u l-ġugarelli kaijū.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies