ĠorġBorg

1.

Bijografija

Ġorġ Borg twieled Birkirkara fis-26 ta’ Novembru 1946 u attenda l-Liċeo. Fil-ħajja professjonali tiegħu beda bħala skrivan u aktar tard laħaq manager f’bank lokali.

Mur fil-biblijografija

Waqt li aktar magħruf bħala poeta (beda jikteb il-poeżiji meta kellu 14-il sena), Borg huwa wkoll novellier, bijografu u traduttur. Fl-1972, ħa f’idejh il-biċċa xogħol diffiċli li jittraduċi l-klassiku ta’ kull żmien Animal Farm ta’ George Orwell għall-Malti, bit-titlu Ir-Razzett tal-Bhejjem. Kiteb ukoll żewġ bijografiji: Dun Ġorġ: Il-Ħabib tat-Tfal (1979) u Ewġenju Borg P.E.P. (1986). Borg rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tliet darbiet: darbtejn fil-kategorija tal-poeżija, u darba f’dik tal-bijografiji permezz ta’ xogħlu fuq Dun Ġorġ.


Il-poeżiji ta’ Borg ikkaratterizzati mill-qosor u s-sempliċità tal-lingwa. Jispikkaw permezz tal-abbiltà tagħhom li jindirizzaw temi u xbihat kumplessi mingħajr ma jduru lejn espressjonijiet nobbli u pompużi. Pereżempju, ħafna drabi Borg jesplora t-tema tal-irwol tal-uman fil-pjan ta’ Alla. Fil-poeżija “In-Newl taż-Żmien” jimmedita fuq it-taqbida mal-mortalità, il-ġlieda għall-ħolqien ta’ xi ħaġa li fl-aħħar mill-aħħar hija effimera. It-tqarrib ineżorabbli tal-mewt u l-assurdiżmu eżistenzjali tal-ħajja huma indirizzati b’kitba li taqta’ permezz tal-poeżija “Taħt il-Pont”, li fiha l-weraq ippersonifikat minnu nnifsu jitferrex minn riħ li ma jaħfirx.


Borg jidħol ukoll fil-ġlieda biex isib tarf tar-realtà u jifhimha. Fil-poeżija “Naf biss...” jisfida r-relazzjoni bejn l-azzjoni u l-konsegwenza, u jasserixxi li l-fehim tagħna tar-realtà huwa limitat u dgħajjef. Borg isostni li ħafna aspetti minn ħajjtina jittieħdu b’benfatt, u dan kollu ġej mill-punt di vista limitat tagħna. Il-poeżija timplika r-rabta bejn il-kumpann nieqes ta’ għasfur, u għasfur bla ħajja li jara fit-triq. Il-qarrejja jidħlu f’dubju jekk dawn iż-żewġ għasafar humiex l-istess wieħed, waqt li jevadu anki l-omnixjenza tal-perspettiva tal-poeta. Bħala qarrejja niġu mġiegħla naslu għal konklużjoni dwar relazzjonijiet permezz tal-evidenza disponibbli, imma meta nqisu kollox nindunaw li l-konklużjonijiet tagħna huma pjuttost spekulattivi.


Fil-poeżija “Dil-Fjura”, Borg jenfasizza aktar il-kobor ta’ Alla u kemm meta mqabbla miegħu aħna insinifikanti. Possibilment ispirat minn “Auguries of Innocence” ta’ William Blake, Borg iħares lejn fjura sempliċi u jimmedita fuq ir-rabtiet sfieqtal-univers u t-tifsira vasta tal-iżgħar dettalji fl-eżistenza. Kollox jidher minsuġ b’mod kumpless fil-pjan ta’ Alla.


Fil-poeżija “Bebbux”, Borg jispekula dwar l-inskruttabbiltà tal-pjan ta’ Alla. Permezz tal-vuċi li jagħti lill-bebbux tal-baħar, Borg jirrikonoxxi l-maestrija tal-Ħallieq li ħoloq dar għal dawn il-kreaturi – qoxrithom. Madankollu, id-dubju jippersisti, il-bebbux idur fuqu nnifsu, bħall-ispiralli fuq uħud minn dawn il-qxur tal-bebbux, u jistaqsi jekk il-mewġ hux qiegħed imellishom jew jinkihom dwar in-nuqqas ta’ għarfien li għandhom tal-pjan vast ta’ Alla.


Borg jiddeskrivi l-poeżiji tiegħu bħala mumenti riflessivi ċkejknin , li jġegħluna  nikkontemplaw l-univers bil-mod. Fil-fatt, kull vers jiġbor fih ħsibijiet profondi li jmexxu lill-qarrejja għal riflessjoni b’żelu.

Bijografija miktuba minn Tanti u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies