FrancisEbejer

1.

Bijografija

Francis Ebejer magħruf għar-rumanzi u d-drammi tiegħu sikwit b’temi eżistenzjali u li jqanqlu l-ħsieb. Kiteb seba’ rumanzi bl-Ingliż, bl-aħħar wieħed minnhom jiġi ppubblikat wara mewtu. Kiteb ukoll rumanz ieħor bil-Malti. Madankollu, probabbilment magħruf l-iżjed għad-drammi elokwenti tiegħu.

Mur fil-biblijografija

Kiteb aktar minn ħamsin dramm għal fuq il-palk, it-televixin u r-radju. Ix-xogħlijiet ta’ Ebejer ġew tradotti għat-Taljan, il-Franċiż, il-Ġermaniż, l-Ispanjol, il-Pollakk, il-Ġappuniż u l-Fjamming. Kiteb ukoll kotba għat-tfal bl-Ingliż u l-Malti li ġew tradotti għall-Ġermaniż. Bejn l-1980 u l-1992, xi xogħlijiet tiegħu ġew ippubblikati fi New York.

Ebejer twieled Ħad-Dingli fl-1952. Waqt li kien qed jistudja l-Mediċina fl-Università ta’ Malta, telaq il-kors biex jaħdem bħala interpretu mill-Ingliż għat-Taljan mal-Forzi Brittaniċi fi Tripolitania fl-Afrika ta’ Fuq. Dan kien fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Wara l-gwerra, mar jitħarreġ l-Ingliterra u sar għalliem. F’Malta, inħatar surmast ta’ skola primarja, pożizzjoni li żamm għall-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħu. Bħala għalliem, ikkontribwixxa regolarment għat-Teacher Magazine. Waqt li fil-ħamsinijiet, Ebejer kiteb il-biċċa l-kbira tad-drammi tiegħu għar-radju, fis-sittinijiet u s-sebgħinijiet kiteb u pproduċa xogħlijiet għat-teatru nazzjonali. Fl-1961 sar membru tas-soċjetà English Centre of PEN International u ngħata l-borża ta’ studju Fulbright fl-Istati Uniti.


Ebejer rebaħ il-Premju Letterarju Malti erba’ darbiet, kif ukoll iċ-Cheyney Award tal-1964 bħala l-aħjar produttur. Fl-1982 u l-1985 rebaħ ukoll il-Phoenicia Cultural Trophy. Fl-1985 ingħata wkoll il-La Médaille d’Honneur de la Ville d’Avignon mill-Muniċipalità u l-Università ta’ Avignon fi Franza bħala rikonoxximent tal-kontribut tiegħu lejn il-letteratura u t-teatru.


Ix-xogħlijiet ta’ Ebejer jindirizzaw temi universali b’mod simboliku. Ħafna drabi Ebejer jiżen in-nozzjoni taż-żmien – kif permezz tal-karattri tiegħu, il-passat jaffettwa u jinfluwenza l-preżent u l-futur. Waqt li kien interessat fl-identità Maltija, qagħad attent biex ma jiġġeneralizzax l-esperjenza ta’ xi tfisser li tappartjeni lil post partikolari. Hemm ħafna aktar mill-post li jagħmilna dak li aħna – aħna magħmulin minn ħafna kontradizzjonijiet – u ma jagħmel ebda sens li wieħed iqis forma waħda biss ta’ identità. Il-fluwidità hija preżenti ħafna f’xogħlu, kif hija wkoll “it-tfittxija għal dak in-nodus elużiv li bih wieħed isir konxju, imqar bi ftit, ta’ fejn il-kontradizzjonijiet jiltaqgħu – għal darb’oħra paradoss ieħor, inerenti minn azzjoni u reazzjoni – fl-ego ta’ persuna daqskemm f’ħajjitha, li jekk xortiha tajba taċċettaha bħala essenzjali għal ħajja sħiħa. It-tfittxija għall-verità... Dik hi l-aktar tfittxija suġġettiva mit-tfittxijiet kollha, sempliċiment trid tkun personali.” Raħal twelidu, Ħad-Dingli, pittoresk u aħrax, jidher ħafna f’xogħlijietu – speċjalment id-dehra tal-irdum – rozz daqskemm fil-verità huma. L-irdum, bħall-karattri fir-rumanzi ta’ Ebejer li jfittxuhom, isiru simboli tat-tfittxija tal-għeruq (u r-rotot) – speċi ta’ ritorn lejn id-dar. Mistoqsijiet li jindirizzaw il-kuxjenza individwali jidhru fid-dramm The Cliffhangers (1973) u L-Imwarrbin (1985).


Waqt li Ebejer kiteb l-aktar bl-Ingliż, fil-ħamsinijiet kien diġà beda jikteb bil-Malti. Id-dramm tiegħu Ċpar fix-Xemx rebaħ l-ewwel premju tal-Malta Drama League. Fl-1958, waħda min-novelli tiegħu ġiet imxandra fuq il-BBC. Ftit wara, l-ewwel rumanz tiegħu A Wreath for the Innocents (1958) ġie ppubblikat Londra. L-istess rumanz ġie ppubbikat Malta bl-isem A Wreath of Maltese Innocents (1981). Evil of the King Cockroach (1960) u In the Eye of the Sun (1969) ukoll ġew ippubblikati Londra u aktar tard ġew ippubblikati mill-ġdid Malta bl-isem ta’ Wild Spell of Summer (1968) u In the Eye of the Sun (1969) rispettivament. Dan tal-aħħar ġie tradott għall-Malti minn Oliver Friggieri bl-isem Għajn ix-Xemx (1981). Dawn ir-rumanzi joħorġu ’l barra t-tagħlima eterna tan-natura – kif jidher ukoll f’A Leap of Malta Dolphins (1982). Ebejer jispjega l-proċess kollu u xogħlijietu nfushom permezz ta’ The Bilingual Writer as Janus (Mediterranean – Maltese and English) (1989).


L-akbar tliet suċċessi ta’ Ebejer kienu t-tliet drammi Vaganzi tas-Sajf (1962), Boulevard (1964) u Menz (1967). Vaganzi tas-Sajf rebaħ l-ewwel premju tal-kompetizzjoni mill-Kumitat tat-Tmexxija tat-Teatru Manoel. Boulevard u Menz ivvjaġġaw lil hinn minn Malta u ttellgħu fil-Ġappun kif ukoll fi Spanja u Venezja. F’dawn it-tliet drammi, Ebejer idur madwar temi bħall-assurd, l-istabbiltà u l-instabbiltà, il-libertà f’kuntest ta’ riġidità tradizzjonali, u l-idea li wieħed isib il-paċi fih innifsu. Ebejer kiteb ukoll diversi drammi għat-televixin. Id-dokumentarju televiżiv tiegħu An Eye to Reckon With (L-Għajn Għatxana) kiseb it-tielet post flimkien mal-preżentazzjoni Russa fil-Golden Harp International TV Festival tal-1971 li ttella’ f’Dublin.

Il-kitba ta’ Ebejer tindirizza l-kunċetti taż-żmien u l-ispazju, u ovvjament l-opposti tagħhom – fejn jeżisti kollox u x-xejn, waqt li kollox marbut; fejn kollox jista’ jkun imbierek daqskemm misħut. It-tfittxija ewlenija tiegħu setgħet kienet kif tkun kapaċi li taqleb kitba għal dramm. Għall-artist li jirrifletti l-ħajja, xejn mhu trivjali; l-ordinarju jsir importanti jew neċessarju daqs l-assurd – kollox huwa biċċa minn realtà waħda, u kollox jorbotna ma’ xulxin. Il-logħba hija li tiftaħ l-immaġinazzjoni u l-intellett, tammetti li l-vjaġġ jista’ ma jieħdok imkien partikolari; it-tfittxija tkompli lil hinn mill-qabar, kif intwera f’Is-Sejħa ta’ Sarid. Il-kitba ta’ Ebejer hija preżenti fiha nnifisha u li taħdem mal-preżenza.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies