Micallef twieldet fil-31 ta’ Mejju tal-1949 fil-Furjana, u wara marret toqgħod il-Belt, fejn qattgħet il-kumplament ta’ ħajjitha. Rebħet diversi premji, kemm bħala poeta u anke bħala kittieba għat-teatru, u kienet waħda mill-ftit kittieba nisa li sqew kitbiethom bi ħsibijiet femministi b’saħħithom.
L-artisti femminili ffaċċjaw sfidi partikolari. L-attitudni komuni kienet li l-arti tan-nisa kienet ta’ livell baxx jew frivola, jew, x’aktarx, it-tnejn; u li n-nisa m’għandhomx jaspiraw li jiddedikaw ruħhom kompletament għal kwalunkwe tip ta’ arti peress li dan ixekkel l-obbligi matrimonjali u materni konvenzjonali tagħhom. Micallef ħadmet u għexet f’dan l-ambjent ta’ skoraġġiment.
Il-frustrazzjoni tagħha b’dan kollu hija pjuttost evidenti. Fil-poeżija tagħha “Meta l-Gawwi Jittajjar Jgħajjat”, hija tisfida lil kumpann maskili fittizju dwar il-pożizzjoni tiegħu f’sistema soċjali li tippreferih għax hu raġel. Hija tara lilha nnifisha bħala l-“pupa” tiegħu, li l-uniku dover tagħha hu li taqdih u tagħtih pjaċir, meta fil-verità kulma trid hu li huma jitqiesu ndaqs.
Micallef emmnet li l-irġiel u n-nisa huma fundamentalment ugwali u li huma n-normi tas-soċjetà li joħolqu daqshekk firda bejn is-sessi. Fil-poeżija “Met’inti Tkellimt…” hija tgħid li d-dawl jagħżilhom minn xulxin, imma li fid-dlam, in-nisa u l-irġiel huma l-istess. Ħafna drabi, Micallef indirizzat ir-rabja tagħha lejn dawn il-konvenzjonijiet li ħeġġu u saħħu din il-firda bejn l-irġiel u n-nisa.
Madankollu, hija dejjem żammet lura milli tiskuża lill-irġiel. Għalkemm huma wkoll kienu prodotti tal-istess sistema inġusta, huma riedu jħallsu ta’ għemilhom, jew in-nuqqas ta’ għemil tagħhom. Micallef xtaqet li jkollha kumpann, xi ħadd ma’ min titkellem mill-qalb u b’passjoni, imma mbagħad fil-poeżija “Profetika” hija ma żżommx lura milli twiddeb bl-aħrax lil xi ħadd li taf, tgħidlu li tal-anqas għandu jindenja ruħu jħares lejha meta tkun qed titkellem, anke jekk ma jistax jifhimha jew jekk jirrifjuta li joqgħod attent għal li qed tgħidlu.
Il-kitba ta’ Micallef tissuġġerixxi li kien diffiċli għaliha li tissepara lis-sistema mir-raġel, u viċiversa. Hija kienet magħrufa bħala Kattolika devota, iżda xorta kienet tqis lil Alla u lil Ġesù bl-istess standards bħall-bnedmin sħabha. Hija faħħret lil Alla u fl-istess waqt iċċensuratu għas-silenzju tiegħu, filwaqt li f’“Fit-Triq tal-Empirew”, Micallef ħaditha kontra Alla u akkużatu li ma jifhimx lin-nisa.
Doreen Micallef kienet figura paradossali li r-relazzjoni kumplessa u tturmentata tagħha mad-dinja esprimietha fi wħud mill-aqwa poeżiji fil-letteratura Maltija.
Miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza