DanielMassa

1.

Bijografija

Daniel Massa huwa wieħed mill-aqwa poeti bilingwi f’Malta. Huwa wkoll kritiku letterarju u ilu jikteb mis-60ijiet, iż-żmien li fih kien involut fil-Moviment Qawmien Letterarju.

Mur fil-biblijografija

Massa twieled Ħaż-Żabbar fl-1937. Huwa gradwa fl-Arti mill-Università ta’ Malta, fl-Edukazzjoni mill-Università ta’ Exeter, u kiseb id-Dottorat minn Edinburgh. Beda l-karriera tiegħu fis-settur edukattiv u kiteb artikli, poeżiji, u rumanzetti apposta għar-radju.

L-ewwel poeżiji tiegħu li dehru fil-ġabra Kwartett (1965) kienu riflessjoni taċ-ċaqliq lejn il-poeżija new wave. Tul il-karriera tiegħu, Massa ħallat il-valuri tradizzjonali, l-esperjenzi personali u l-qagħda tal-pajjiż b’mod riflettiv u li jmur lil hinn, u dan irrenda l-poeżija tiegħu moderna u relevanti. Fil-fatt, f’ħafna mill-poeżiji, huwa jitkellem fuq il-ħajja, fuq il-valuri u l-ġustizzja, fuq l-użu għaqli tal-poter, flimkien mar-responsabbiltajiet soċjali u ambjentali tagħna.

Xi xogħlijiet importanti tiegħu huma l-ġabra kollaborattiva Kwartett (1965), Xibkatuliss (1989) u Barefoot in the Saltpans (2015). Fi Kwartett insibu l-poeżija kumplessa “X’Inħobb”, u l-poeżija intriganti “Il-Mewt tas-Sajjied”, fejn huma enfasizzati s-solitudni u l-uġigħ. Forsi l-aktar poeżija importanti hija “Dayadhvam” li hija tislima lill-poeżija “The Wasteland” ta’ T.S. Eliot, li fiha jirrepeti “Datta.Dayadhvam.Damyata” u jinkludi l-vers mill-Ktieb ta’ Danjel “Mane Tekel Fares”. Massa jpoġġi aktar enfasi fuq is-sensi u l-ambjent f’Xibkatuliss, speċjalment fuq il-Baħar Mediterran, fuq l-irwejjaħ u l-memorji li jġorr biż-żiffa tiegħu. Jitkellem fuq il-ħajja Mediterranja u kif għadna affettwati mill-miti maħluqin minn dan l-istess baħar u dawn l-istess xtut. Skont Peter Serracino Inglott, dawn il-poeżiji huma wħud mill-aqwa tal-pajjiż fi żmienna. Barefoot in the Saltpans hija antoloġija ta’ poeżija li tiġbor f’daqqa l-interessi kollha ta’ Massa. Il-poeta Immanuel Mifsud iqis il-poeżija “Delimara” bħala l-aqwa poeżija li qatt inkitbet bil-Malti. Din ispirat anke l-film Kont Diġà li ntwera fil-Festival Ewropew tal-Films fl-2012. Dawn il-poeżiji jistgħu jinqraw separatament, imma huma wkoll konnessi b’ħajta fina: linja narrattiva li tidħol u toħroġ, li talludi u taħrab mit-tifsir, u joħolqu xi ħaġa sħiħa u frammentata fl-istess waqt. Fl-2016 Massa kien wieħed mill-qarrejja mistednin fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, organizzat minn Inizjamed.

Filwaqt li jistrieħ fuq is-sensi u fuq il-forzi kontradittorji tal-baħar, Massa jaħdem fuq temi bħar-reliġjon, il-mitoloġija, il-memorja u l-immaġinazzjoni. Jirnexxilu joħloq ċertu ritmu mexxej billi jevita l-punteġġjatura – iħalli lill-qarrej joħloq tifsiriet u realtajiet varji. Ħafna mill-poeżiji ta’ Massa jirrikjedu li dak li jkun jaqrahom u jerġa’ jaqrahom, peress li għandhom ħafna faċċati, u huma mimlijin elementi li jeħtieġ li jiġu esperjenzati u interpretati għal darba tnejn, imleħħnin u mhux.

Massa jħalli lill-qarrej jirrealizza li m’hemmx ilsien jew messaġġ li jistgħu jkunu importanti daqs dak mitiku; dawn jittraxxendu ż-żmien għax huma miti ħajjin. Jirnexxilu wkoll jieħu lill-qarrej sat-tarf, jittawwal lejn il-possibbiltajiet, joħloq spazju għad-diversità u l-inċertezza, hu u jilgħab u jfettaq fil-lingwa. Finalment, huwa jagħraf li m’hemmx biża’ f'li wieħed ikun mitluf – fil-baħar.

Miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Sephora Francalanza

2.

Biblijografija

Barefoot in the Saltpans: Poetry Mediterranean

Poeżija
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
BDL Publications, Malta

PSI Kingmaker: Life, thought and adventures of Peter Serracino Inglott

Proża
Ingliż
Kitba
Pubblikazzjoni
L-Awtur

& Words: Poems Singapore and Beyond

Poeżija
Ingliż
Kitba
Editjar
Edwin Thumboo
Pubblikazzjoni
Ethos Books, Singapor

Għażla ta' poeżiji / Selection of poems

f'"Ilħna Mkissra"
Poeżija
Malti
Kitba
Editjar
Peter Serracino Inglott
Pubblikazzjoni
Bugelli, Malta

Xibkatuliss: poeżiji 1965-1989

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
Union Press, Malta

Limestone 84

Poeżija
Ingliż
Editjar
Daniel Massa
Pubblikazzjoni
Union Press, Malta

Analiżi ’70

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
L-Awturi

Kwartett

Poeżija
Malti
Kitba
Pubblikazzjoni
L-Awturi
Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies