AntonButtigieg

1.

Bijografija

Anton Buttigieg twieled fid-19 ta’ Frar 1912 fir-raħal żgħir tal-Qala ġewwa Għawdex. Iggradwa bħala avukat, u kien membru attiv tal-Partit Laburista, fejn serva bħala President u Deputat Kap għal numru ta’ snin. Kien ukoll maħtur bħala Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Parlamentari. Il-milja tal-karriera politika tiegħu ntlaħqet meta ntgħażel li jkun it-tieni President tar-Repubblika ta’ Malta bejn l-1976 u l-1981. Huwa miet fil-5 ta’ Mejju 1983.

Mur fil-biblijografija

Il-lingwa Maltija u l-kitba minn dejjem kienu għal qalb Buttigieg. Fl-1931, huwa ssieħeb fl-Għaqda tal-Malti, għaqda fl-Università ta’ Malta li tħabrek għal-lingwa Maltija mwaqqfa minn Ġużè Bonnici u Rużar Briffa. Kien ukoll poeta prolifiku u kiteb f’diversi antoloġiji u rebaħ numru kbir ta’ premjijiet għax-xogħlijiet tiegħu.

Buttigieg huwa magħruf bħala l-Poeta tan-Natura minħabba l-użu frekwenti ta’ xbihat tal-flora u l-fawna lokali. Kien iħares lejn in-natura bħala sors ta’ sbuħija u mezz kif il-konxju uman u l-immaġinazzjoni jaċċessaw is-sagru. Wieħed jista’ jgħid li Buttigieg fehem kif in-natura tirrappreżenta l-ogħla forma tad-divinità.

In-natura, fil-kumplessità u d-diversità kollha tagħha, narawha fl-aktar mod safi meta titħalla ħielsa u mhux imxekkla mill-ħtiġijiet tal-umanità. F’“L-Għasafar tal-Bejt” l-għasafar inaqqu l-insetti li jeqirdu x-xtieli tal-ful. Minbarra li qed jieklu, l-għasafar tal-bejt qed jeħilsu l-pjanti minn dan id-dud qerried li ma jħallix il-pjanti jagħmlu l-frott. Buttigieg qed jgħidilna li n-natura hi perfetta u armonjuża meta wieħed ikun ħaġa waħda mal-kreazzjoni, daqslikieku li wieħed isir ħaġa waħda ma’ Alla.

Dil-poeżija tikkuntrasta b’mod qawwi mal-poeżija “Il-Mewt tas-Sieħba”. F’din il-poeżija, l-eżistenza idillika ta’ par melvizzi, mitlufin jibnu l-bejta u jitimgħu ż-żgħar tagħhom, titwaqqaf b’mod vjolenti mill-umani meta l-melvizza tinqatel bi sparatura. Għal Buttigieg, in-natura mhix sempliċi sfond biex taqdi l-umanità – wieħed ma jistax jinterrompiha mingħajr ma joħloq konsegwenzi gravi. Ħafna drabi, Buttigieg jiddeskrivi ʼl bnedmin bħala dawk li jinvadu, il-barranin arroganti li jemmnu li għandhom xi dritt jisfruttaw l-ambjent kull meta jridu.

Mill-banda l-oħra, l-umani għandhom ukoll il-kapaċità li jieħdu ħsieb in-natura. Buttigieg jafu dan u jagħżel li ma jindaħalx f’dak li hu essenzjalment tajjeb. Permezz tal-kitba, jintervjeni b’mod limitat biex iqim is-sbuħija tan-natura. F’“Lill-Kampanella”, il-poeta jistqarr li l-pjanta mhi xejn ħlief libsa mitluqa ta’ Fatata, u din, diżappuntata bl-azzjonijiet tal-bnedmin, issib refuġju fid-dinja mistura u moħbija minn kulħadd ħlief għall-qamar u l-poeti. Għalhekk, l-esperjenza estetika (meta taqra l-poeżija) issir dik li (terġa’) tgħaqqad in-natura mal-bniedem.

Permezz ta’ djalogu serju u intens man-natura, Buttigieg jaspira li jgħaqqad l-ispirtu uman mad-divin hekk kif jimmanifesta ruħu fin-natura, u jiċċelebra l-uniċità ta’ kull ħlejqa.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies