AndréMangion

1.

Bijografija

André Mangion huwa drammaturgu, performer kreattiv u producer. Huwa magħruf bħala kittieb b’attitudni immaġinattiva li twaħħad l-umoriżmu, it-traġedja u l-innovazzjoni fir-rakkuntar tiegħu, attitudni li jħaddem kemm fil-qasam teatrali u televiżiv kif ukoll f’oqsma oħrajn. Mangion jispira ruħu minn diversi sorsi, fosthom id-delitti misterjużi ta’ Agatha Christie, li huma magħrufa l-aktar għat-twist tagħhom; u fil-fatt Mangion dejjem ifittex storja tajba bi tmiem li jissupera l-istorja nfisha.

Mur fil-biblijografija

Mangion twieled Pembroke fl-1991. Wieħed mill-aktar xogħlijiet bikrin ta’ Mangion kien rumanz ispirat minn The Murder of Roger Ackroyd (1926) ta’ Agatha Christie. Kiteb dan meta kien għad kellu 12-il sena. Bejn l-2013 u l-2019, kiseb Baċellerat fil-Kummerċ (bl-Unuri) u Maġisteru fl-Ekonomija mill-Università ta’ Malta, li rendew ruħhom kruċjali għall-irwoli maniġerjali li ħa aktar tard fil-qasam tal-arti. Minbarra li huwa artist indipendenti, ħadem u għadu jaħdem għal festivals u istituzzjonijiet lokali. Bejn l-2020 u l-2021 ħadem fil-Festival Żigużajg u l-programm tal-istaġun tiegħu; fl-2022 ingħaqad mal-Fondazzjoni Kreattività bi rwol marbut mal-programm ta’ Spazju Kreattiv. Fl-2023 inħatar maniġer.

Mangion rebaħ diversi premjijiet, fosthom l-ewwel edizzjoni tal-Konkors Teatru Soċjali, bid-dramm It-Tfajjel ta’ fuq il-Banda, b’Terry bħala l-karattru ewlieni tiegħu, tifel żgħir li jinsab fl-ispettru tal-awtiżmu, sitwazzjoni li jieħu vantaġġ minnha. Permezz ta’ Tattoo (2013), dramm li kiteb għal kompetizzjoni mtellgħa mill-Aġenzija Żgħażagħ, rebaħ il-premju L-Aktar Kittieb Żagħżugħ Promettenti. F’dan id-dramm, għodwa waħda Frederick iqum u jsib tatwaġġ impinġi fuq sidru. Jibda jistħarreġ x’wassal għal dan u matul il-vjaġġ ta’ tfittxija jiskopri ħafna affarijiet li qatt ma stenna dwaru nnifsu. Fl-2016, ipproduċa l-ewwel spettaklu tiegħu, Teatr-ejn fi Spazju Kreattiv. Il-verżjoni tradotta għall-Ingliż ta’ Raymond “Fight” Beck (2018) ittellgħet fl-Insituto Cervantes fi New York sena wara, waqt li wkoll ġiet addattata u mtellgħa f’Malta waqt l-Altofest fl-2018. F’dan id-dramm, iżewweġ it-teatru mal-boxing, żwieġ li wasslu biex jiġi nnominat għall-Premju tal-Aktar Proġett Innovattiv għall-istaġun teatrali Malti tal-2017/18. Fl-2022, kiteb Jesmond Kważi Għabba, li waqt residenza f’Sala Beckett f’Barċellona ġie tradott għall-Katalan. F’Marzu tal-2025, Drago: It-Tvenvin ta’ Tornado Tony (2022) ittella’ fil-Festival Teatrali tad-Drama Slovena.

Id-dramm esperimentali miktub f’versi, Id-Dwal Mit-Tieqa tas-Sitt Sular // Il-Warda Bla Xewk fuq iċ-Ċinta tal-Ġnien, għall-Cospicua Short Play Festival, kiseb tliet premji: l-Aqwa Skritt, l-Aqwa Attur, u l-Aqwa Produzzjoni. Fih, żewġ persuni li jgħixu faċċata ta’ xulxin jispiċċaw jinħabbu mal-idea li t-tnejn li huma għandhom xi ħadd lest għalihom fit-triq ta’ quddiemhom. Minħabba li l-istejjer tajbin kollha għandhom imgħoddi, u l-qarrejja jridu jgħarrxu f’dan l-imgħoddi mudlam, l-imgħoddi ta’ dawn iż-żewġ karattri ġie esplorat permezz ta’ L-Ewwel Antonio... u ...imbagħad Margerita, li nkitbu għall-edizzjoni tal-2022 tal-istess festival, b’L-Ewwel Antonio... jirbaħ tliet premiji: l-Aqwa Skritt, l-Aqwa Attur, u l-Aqwa Direttur, waqt li ...imbagħad Margerita jirbaħ il-premju għall-Aqwa Attriċi. Minbarra x-xogħol imsemmi li ġie tradott għall-Katalan, xogħlijiet oħra tiegħu ġew tradotti għall-Ingliż.

Mangion dejjem ifittex storja tajba. Din it-tfittxija hija waħda mill-pedamenti tiegħu u hija din it-tfittxija li tfisser l-iżjed għalih bħala kittieb. Jikteb biex jikteb, u mhux dejjem biex iwassal messaġġ. Hija din l-attitudni li forsi twasslu biex ikun aktar oriġinali u liberu f’xogħlu, kemm f’forma ta’ dramm kemm għal performance. B’din l-attitudni, xejn ma jtaqqal xogħlu, minflok, huwa l-pjaċir ta’ storja rrakkontata b’mod tajjeb li jitla’ fil-wiċċ.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies