AlfredButtigieg

1.

Bijografija

Alfred Buttigieg huwa drammaturgu rinomat. Huwa ispirat minn drammaturgi oħra tat-teatru tal-assurd li jiffokaw fuq temi eżistenzjali, bħal Eugene Ionesco, Harold Pinter, u Samuel Beckett. Kittieba oħrajn bħal Franz Kafka, Gabriel García Márquez, u Immanuel Mifsud huma wkoll sors ta’ ispirazzjoni għal kitbietu. Huwa jistqarr li xi drabi l-kitba jesperjenzaha bħala weġgħa u bħala proċess li jeħodlu ħafna ħin. Għalih, il-kitba hija riżultat ta’ dixxiplina aktar milli xi intervent divin. Minkejja l-uġigħ u l-ħin li teħodlu, il-ħtieġa li jesprimi ruħu artistikament tibqa’ tnawwar fih.

Mur fil-biblijografija

Buttigieg twieled Ħal Tarxien fl-1956. Fl-1981, iggradwa bħala għalliem u għallem għal diversi snin. Wara laħaq surmast ta’ skola primarja. Matul dak iż-żmien, kiteb 21 ktieb ta’ attivitajiet immirati għall-istudenti fl-iskejjel primarji. Fit-tmeninijiet, kien wieħed fost oħrajn li waqqaf l-Ateatru, u bejn l-2003 u l-2008 kien membru fil-Kumitat Maniġerjali tat-Teatru Manoel. Issa li rtira mill-kitba, qed jieħu gost jesprimi ruħu artistikament permezz tal-imħabba ġdida li għadu kif skopra għaċ-ċeramika. L-ewwel wirja tiegħu ttellgħet fl-2024 taħt it-titlu “Figures Unbound,” u fiha jiffoka fuq il-ġisem uman maqbud f’moviment naturali. Fost il-personaġġi f’din il-wirja, irrappreżenta lil Sisifu u l-Mara l-Ħoxna.

Buttigieg kiteb dwar diversi temi u ispira ruħu minn elementi differenti. Imma forsi l-ħajta li tinseġ id-drammi ta’ Buttigieg flimkien hija l-importanza li jagħti lill-orġinalità, flimkien max-xenqa li jikteb b’għan u b’pinzellati ta’ umoriżmu. L-ewwel xogħol tiegħu, “Gezzu,” imtella’ fl-1982 u għal darb’oħra fl-2010, huwa ħrafa filosofika għall-adulti dwar brimba li tirrifjuta tikkonforma mal-aspettattivi u t-talbiet tas-soċjetà. Kien imbagħad fl-1986, li tella’ l-ewwel dramm sħiħ tiegħu – “Ir-Rewwixta tal-Qassisin” fit-Teatru Manoel. Dan id-dramm storiku infilzat fi dramm ieħor huwa ambjentat fi żminijiet u postijiet differenti, u b’hekk joffri paralelliżmu bejn tliet mumenti ewlenin fl-istorja Maltija.

Buttigieg iqis “Mela hawn xi Manikomju?” bħala l-aktar dramm oriġinali tiegħu. Fih jiżvela l-kronoloġija tal-ħajja, u huwa ispirat mill-konverżazzjonijiet li kien jisma’ bejn ommu u tliet pazjenti oħra f’sala fl-Isptar Karin Grech. Imbagħad, “L-Interrogazzjoni” (2021), huwa dramm li jdur madwar il-qtil doppju li seħħ fl-2013 f’Malta permezz ta’ diversi inċidenti. Ħa lil Buttigieg tliet snin biex jiktbu, imma kiseb popolarità mal-udjenza Maltija tat-teatru. Wieħed mill-aħħar drammi ta’ Buttigieg kien “L-Arrest ta’ Danny Weed,” li ttella’ fl-2023 u dwaru jistqarr li sabha diffiċli ħafna biex jiktbu. Il-bażi tiegħu hija l-istorja vera ta’ Daniel Holmes, espatrijat minn Wales, li ntbagħat il-ħabs minħabba li kabbar il-kannabis f’Malta.

Fl-2017, ippubblika huwa stess il-ġabra Alfred Buttigieg: The Collected Plays permezz ta’ traduzzjoni ta’ Irene Mangion. Fl-2024, bħala għeluq tal-karriera tiegħu fil-kitba, ippubblika l-ġabra Id-Drammi ta’ Alfred Buttigieg, li tinkludi kull dramm tiegħu li ttella’ bejn l-1981 u l-2023. Xogħlijietu kollha ġew tradotti għall-Ingliż, ħlief “L-Interrogazzjoni” (2021) li hija bilingwi, u tinsab fuq Amazon Kindle. Se tiġi ppubblikata wkoll ġabra ta’ drammi għat-tfal, interpretati mit-tfal stess iżda mmirati għall-kbar.

Meta nesploraw dawn id-drammi kif ukoll il-figuri taċ-ċeramika li ħoloq reċentement, inħossuna xi ftit jew wisq barra minn qoxritna; fi sfida magħna nfusna biex nikbru u niżviluppaw. Fil-proċess li nqarrbu lejn xulxin il-ħila tal-kitba kif ukoll il-memorji tagħna, hemm bżonn id-dedikazzjoni mżewġa mat-tbatija.

Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Jean Paul Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies