Marshall twieled Ħ’Attard fl-1947. Studja t-Taljan, l-Istorja u l-Latin fl-Università ta’ Malta. Kompla l-istudji tiegħu fil-London Academy of Music and Dramatic Arts u spiċċa l-M.A. fl-Istudji tal-Komunikazzjoni fl-Università ta’ Victoria ġewwa Melbourne, l-Awstralja, fejn imbagħad beda jgħallem. Wara ħmistax -il sena jaħdem fir-radju, it-televiżjoni u t-teatru Awstraljan, ġie lura Malta u beda jgħallem fl-Università ta’ Malta. Mexxa d-Distance Learning Programme fuq Campus FM. Marshall ħadem ukoll bħala traduttur mal-Kummissjoni Ewropea (Language Directorate)fil-Lussemburgu.
L-ewwel pubblikazzjoni tiegħu hi antoloġija tal-poeżija, Dħaħen fl-Imħuħ (1967), li kitibha flimkien ma’ Oliver Friggieri u Ġorġ Borg. Wieħed jista’ jsib temi komuni fix-xogħol ta’ Marshall: l-istat tat-tfulija, mill-innoċenza u l-allegrija, u kif dawn jibqgħu jiġu riflessi fil-ħajja tal-bniedem; l-esperimentazzjoni bil-lingwa u bil-vers projettiv; in-natura vagabonda tiegħu li sseddaq il-bżonn li jimxi ʼl quddiem, jisfida l-istatus quo, jesplora l-ibridità kulturali u jsaqsi dwar l-elementi differenti tal-identità; u kif il-mewt tidħol inkiss inkiss fil-moħħ tal-bniedem hu u jixjieħ, fis-sens ta’ tluq u kif il-mewt taffettwa l-mod kif il-bniedem iħares lejn il-ħajja.
Ix-xogħlijiet l-aktar għal qalb Marshall jinkludu “Jaqaw” u “Disgħa Lvant” (mill-ġabra Diaspora, 1997) u “Beltna qed Taqbad” (2018). “Jaqaw”tesplora t-temi tal-identità kulturali u nazzjonali, li wieħed iħossu li jagħmel parti minn komunità imma fl-istess ħin hemm il-bżonn li jimxi ʼl quddiem. Dil-poeżija tistħarreġ il-mistoqsijiet li jqumu meta wieħed qed jieħu deċiżjonijiet importanti li se jbiddlulu ħajtu. “Disgħa Lvant” hija poeżija personali ħafna, iddedikata lil xi ħadd qrib tal-familja li għaddej minn marda terminali. Titkellem fuq id-destin, fuq il-kefrija u l-ironija tal-ħajja. Hawn nibdew insibu ħsibijiet dwar il-mewt, il-fidi u forsi anke t-telfa tagħha. “Beltna qed Taqbad” hi maqsuma fi tliet partijiet u hi reazzjoni għall-fatt li l-Belt Valletta kienet magħżula bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Hawn Marshall qed jitqabad mal-frustrazzjonijiet kulturali li għandu dwar kif pajjiżu ċċelebra din l-okkażjoni. Il-poeta joħloq belt li qed taqbad, il-Belt Valletta li prattikament tispiċċa Ruma ta’ Neruni – referenza għall-mod ta’ kif “nagħmlu” l-kultura f’Malta.
Il-kitba u t-teatru minn dejjem kienu mod importanti ta’ kif Marshall iwassal leħnu, għaliex dawn iħalluh jerġa’ jimmaġina, jinterpreta u jivvinta t-tifsir. Dawn it-tnejn jingħaqdu fix-xogħol teatrali Teatru, Teatrin, Buzzetti u Skizzi Oħra Teatrali (2021), ġabra ta’ kitbiet għat-teatru. Dan ix-xogħol ifakkarna wkoll li Marshall ma jiddejjaqx minn opportunitajiet fejn jista’ jkun ta’ influwenza jew fejn jista’ jiġi influwenzat waqt li jibqa’ miftuħ għal modi ġodda u għal dak li għadu mhux magħruf.
Bijografija miktuba minn Ruth Bezzina u maqluba għall-Malti minn Keith Borg