Għal prassi aħjar fis-settur letterarju u l-industrija tal-pubblikazzjoni

Is-settur letterarju u l-industrija tal-pubblikazzjoni lokali huma kontributur ewlieni għat-tisħiħ tal-kultura, tal-identità u tad-demokrazija f’Malta u Għawdex. Is-settur huwa msejjes fuq il-ħidma ta’ negozji u attivitajiet ekonomiċi diversi li jaqdu l-bżonnijiet varji tal-konsumatur lokali, minn kotba tal-iskola sa letteratura għall-kbar, intrapriżi li jħaddmu għadd ġmielu ta’ professjonisti li l-għajxien tagħhom jiddependi mill-pubblikazzjoni. Dawn huma l-premessi li fuqhom Fondazzjoni HELA tibbaża
x-xogħol kollu li tagħmel, ħidma b’viżjoni u implikazzjonijiet wiesgħa u trasversali.

Dan id-dokument huwa maħsub partikolarment għall-entitajiet responsabbli mis-settur u jirrifletti l-esperjenza u s-sentimenti ta’ diversi stakeholders b’interessi varji fis-settur, minn dawk kummerċjali sa dawk rikreattivi. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħna jindirizzaw prijoritajiet li, minkejja l-importanza imperattiva tagħhom, għad iridu jsibu posthom fuq l-aġenda nazzjonali u fil-pjan ta’ ħidma tal-entitajiet responsabbli mis-settur. Permezz ta’ dal-proposti u rakkomandazzjonijiet il-Fondazzjoni HELA qed tibqa’ taħdem favur prattika ġusta għal dawk kollha li jaħdmu fis-settur u lejn il-konsolidazzjoni ta’ politika li tippermetti tiġdid u titjib fil-prodott letterarju Malti. Filwaqt li nagħrfu l-isfidi, uħud minnhom antiki u istituzzjonali, qed inressqu dal-proposti għal politika b’viżjoni fit-tul li tħeġġeġ l-iżvilupp u l-innovazzjoni fis-suq tal-pubblikazzjoni lokali b’miżuri u investiment dirett fl-ekosistema sħiħa.

Għanijiet

Permezz ta’ dan id-dokument nixtiequ nixprunaw u nħeġġu diskors miftuħ u kostruttiv li jwassal għal settur iktar f’saħħtu billi:

1. Noħolqu qafas ta’ referenza għal prattika tajba u salvagwardji għal kull stakeholder fis-settur.

2. Nidentifikaw bżonnijiet u soluzzjonijiet għal intrapriżi iktar kompetittivi, innovattivi u sostenibbli fid-dinja tal-pubblikazzjoni.

3. Inżidu l-għarfien dwar prinċipji trasversali li jippromwovu l-professjonalità fis-settur.

4. Nagħrfu l-għeruq ta’ ostakli li jxekklu l-iżvilupp tal-ħiliet tekniċi u professjonali.

5. Nipproponu miżuri u soluzzjonijiet għal politika li tirrikonoxxi l-kontribut importanti li l-pubblikaturi, kittieba, tradutturi, edituri, disinjaturi, illustraturi, stampaturi, qarrejja u l-istakeholders kollha fis-settur letterarju f’Malta u Għawdex jagħtu lis-soċjetà inġenerali, mhux biss bil-kapital kulturali li jiġġeneraw imma wkoll bil-kapital soċjali u ekonomiku li jinħoloq bħala impatt dirett tal-attivitajiet u l-investiment tagħhom.

Stakeholders

L-għarfien dwar min huma l-istakeholders jiggarantixxi li ebda kontributur fis-settur ma jitħalla barra u li kull diskors dwar is-settur jirrifletti d-diversità u l-kumplessità tal-ekosistema tal-pubblikazzjoni u l-letteratura f’Malta.

Bħala Fondazzjoni HELA nagħrfu li l-identità u s-sehem tal-individwi u organizzazzjonijiet involuti fis-settur huma ta’ natura mhux omoġenja. Dan ifisser li kull meta jiġu indirizzati bħala grupp omoġenju jkunu qed jintilfu l-isfumaturi li jirriflettu r-realtajiet diversi li jikkostitwixxu s-settur.

L-istakeholders ewlenija jinkludu n-nies kollha li jikkontribwixxu għas-settur, dawk li mingħajr is-servizzi professjonali tagħhom il-letteratura Maltija u l-prodotti letterarji kollha ma jkunux possibbli (pubblikaturi, kittieba, tradutturi, edituri, qarrejja tal-provi, disinjaturi, eċċ.). Ma’ dawn, dan id-dokument jindirizza wkoll il-pubbliku li jipparteċipa u jikkontribwixxi lis-settur bħala qarrejja, konsumaturi, udjenzi u klijenti.

Fl-aħħar nett, ma’ dal-partijiet wieħed ma jistax iħalli barra d-diversi entitajiet uffiċjali responsabbli mill-qasam tal-pubblikazzjoni u l-intrapriża, il-litteriżmu, il-letteratura, l-edukazzjoni u l-kultura. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), il-Kunsill Malti għall-Arti (KMA), l-Aġenzija tal-Litteriżmu, Malta Libraries, Malta Enterprise u d-diversi ministeri li x-xogħol tagħhom jolqot direttament lis-settur. Il-politika li dawn l-imsieħba jfasslu, jaddottaw u jimplimentaw għandha impatt dirett fuq il-partijiet u l-interessi l-oħra kollha fis-settur.

Riċerka

Kwalunkwe politika proposta u addottata minn entitajiet responsabbli għandha titfassal abbażi ta’ riċerka sistematika u konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin skont ir-relevanza u l-oġġettivi tal-miżura.

Professjonalità u standards

1. L-entitajiet responsabbli għandhom jieħdu sehem attiv fil-promozzjoni ta’ prattika li tiggarantixxi salvagwardji u kompetittività xierqa, fosthom li l-atturi kollha fis-settur jaħdmu b’kuntratti ġusti li jissalvagwardjaw l-interessi professjonali u morali tagħhom b’kundizzjonijiet xierqa.

2. Entitajiet oħra, għalkemm forsi m’għandhomx saħħa ta’ regolatur, għandhom jitkellmu b’mod ċar dwar l-importanza ta’ prattika ġusta li tissalvagwardja n-negozji u l-professjonisti kollha involuti fis-settur lokali. Dan sabiex tinħoloq kultura li tipproteġi l-għajxien tal-intraprendituri u ħaddiema konċernati, kultura professjonali li tippermetti t-tisħiħ tal-intrapriża u l-ħiliet tal-ħaddiema fuq kull livell.

3. Kull persuna li tintalab toffri s-servizzi professjonali tagħha mhux biss għandha tkun ikkumpensata għal xogħolha imma għandha tingħata t-trattament u r-rispett li jixirqilha, u tkun trattata b’dinjità mingħajr ma l-persuna jkollha titlob trattament dinjituż hi stess.

4. L-istess entitajiet għandhom, b’mod regolari u strutturat, jaraw li huma stess qed joperaw b’mod ġust u bi trasparenza sħiħa billi jipprovdu appoġġ professjonali, informazzjoni u aċċess għal fondi u opportunitajiet għal kull min għandu xi rwol fis-settur. Fejn jiġu identifikati ostakli t’aċċess, dawn għandhom jiġu indirizzati b’mod effettiv bil-kollaborazzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħal Fondazzjoni HELA li jirrappreżentaw l-interessi tas-settur. Tul is-snin, ħafna drabi kienu gruppi bħal Fondazzjoni HELA u oħrajn li jinħolqu ad hoc li jidentifikaw il-bżonnijiet u l-ostakli minflok l-entitajiet pubbliċi nfushom.

5. Jeħtieġ li l-entitajiet konċernati kollha jikkonsolidaw il-viżjonijiet u l-ħidma tagħhom u, fuq kollox, jaddottaw attitudni proattiva fejn jidħlu miżuri li jtejbu l-klima għall-intrapriża fis-settur tal-pubblikazzjoni. Jeħtieġ sforz kollaborattiv kontinwu, magħġun minn viżjoni komuni, bejn l-entitajiet pubbliċi u l-ministeri nfushom biex jiġu identifikati miżuri ta’ tisħiħ u innovazzjoni.

6. Uffiċjali pubbliċi f’karigi għolja fi ħdan entitajiet direttament responsabbli mis-settur, entitajiet li jfasslu politika u jamministraw fondi, m’għandhom ikollhom ebda rabta li tista’ tikkostitwixxi kunflitt reali jew perċepit. Dal-prinċipju jissalvagwardja l-promozzjoni ta’ prattiċi etiċi inkluż il-kontabbiltà u l-kredibbiltà tal-entità li dawn l-uffiċjali jirrappreżentaw.

7. L-entitajiet responsabbli għandhom jiddikjaraw b’mod apert u trasparenti lista ta’ prinċipji u prattiċi etiċi li jħaddnu internament u fil-konfront tas-settur li jaqdu b’turija ta’ tmexxija bl-eżempju.

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb

Matul is-sena jiġu organizzati diversi avvenimenti li huma ppreżentati bħala opportunitajiet ta’ bejgħ u viżibbiltà għall-ktieb Malti. L-iktar avveniment importanti f’dar-rigward jibqa’ l-Festival Nazzjonali tal-Ktieb. Filwaqt li l-Fondazzjoni HELA tagħraf bis-sħiħ l-importanza t’avveniment bħal dan fejn jiġi ċċelebrat il-ktieb Malti u fejn is-settur jista’ jingħaqad taħt saqaf wieħed u jiltaqa’ mal-pubbliku tiegħu, nagħrfu wkoll xi sfidi kemm ta’ dal-festival innifsu kif ukoll t’avvenimenti simili u miżuri relatati magħhom. Fosthom:

1. Tul is-snin, permezz tal-għoti tal-voucher għall-istudenti u l-mekkaniżmi loġistiċi biex iwasslu lit-tfal tal-iskejjel għall-festival, il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb imbotta b’mod espliċitu u attiv il-letteratura tat-tfal fuq kull ġeneru ieħor. Dan minkejja li dal-ġeneru jibqa’, meta mqabbel ma’ ġeneri oħra, iktar kummerċjalment vijabbli. Peress li m’hemmx investiment ekwivalenti għal ġeneri letterarji oħra dan joħloq żvantaġġ għal kull min jippubblika jew jaħdem f’ġeneri oħra. Il-Festival għandu jagħti opportunità ndaqs lil kull stakeholder u esebitur mingħajr diskriminazzjoni ta’ xejn la fil-ġeneri letterarji, la bejn l-esebituri mistiedna u lanqas għal dawk li jżuru l-festival.

2. Il-kwalità tal-festival tiflaħ titjieb biex tirrifletti attitudni aktar dinjituża lejn il-ktieb u l-letteratura speċjalment meta l-organizzatur huwa l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb. Mhux aċċettabbli li xi esebituri jixħtu l-kotba bl-addoċċ fuq l-ixkafef mingħajr ma jagħtu kas il-preżentazzjoni tagħhom; juru nuqqas ta’ rispett u interess lejn il-ktieb u l-konsumatur u jwaqqgħu l-livell tal-festival inġenerali. Dan jista’ jsir billi l-organizzaturi joħorġu linji gwida aktar stretti u jgħinu lil dawk l-esebituri li jitolbu l-għajnuna biex l-istands ikunu aktar preżentabbli.

3. L-organizzaturi tal-festival għandhom jiżguraw li ebda esebituri ma jkunu qed ibigħu prodotti bi ksur ta’ direttivi u leġiżlazzjoni lokali jew Ewropej. F’każ li jippermettu ċerta prattika li tiżvantaġġja prodotti lokali, l-organizzaturi naturalment ikunu qed jaċċettaw ir-responsabbiltà tal-azzjonijiet irregolari li jippermettu. Il-KNK għandu jaħdem mal-entitajiet responsabbli biex jiżgura li dawn l-irregolaritajiet ma jseħħux u jmexxi bl-eżempju biex fejn hemm suspett jew provi ta’ prattiċi irregolari ma jippermettihomx fil-festival.

4. Il-KNK għandu jkun trasparenti dwar fejn imorru l-ispejjeż speċifiċi allokati għall-festival. S’issa l-ispejjeż jidhru biss taħt titli ġeneriċi fir-rapporti annwali u, għaldaqstant, l-istampa li jagħtu ta’ kif u fejn qed jintefqu l-flejjes tal-festival hija ġenerika u ma nafux eżatt kemm u kif qed jitħallsu ċerti nies, b’mod partikolari il-mistednin, barranin u lokali tal-festival.

Internazzjonalizzazzjoni

1. Il-KNK jista’ jkollu rwol strateġiku mal-imsieħba kollha fis-settur billi jkun ta’ assistenza, inkluż assistenza finanzjarja, biex organizzazzjonijiet, individwi u pubblikaturi jfittxu sħubija u parteċipazzjoni f’networks, fieri jew proġetti lil hinn minn xtutna skont il-prijoritajiet speċifiċi tagħhom. Dawn jistgħu jkunu opportunitajiet varji, minn missjonijiet ta’ negozju (business missions) sa parteċipazzjoni f’fora u konferenzi min-networks Ewropej.

2. Il-KNK jista’ jservi ta’ pont bejn l-istakeholders tiegħu u entitajiet governattivi oħra li jistgħu jassistu biex jintlaħqu l-oġġettivi t’internazzjonalizzazzjoni u l-esportazzjoni tal-letteratura Maltija.

3. Il-KNK għandu jaħdem ma’ entitajiet bħal Trade Malta (il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, il-Kamra tal-Kummerċ) li jeżistu appuntu biex jiffaċilitaw l-esportazzjoni u l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriża Maltija biex flimkien jipprovdu opportunitajiet internazzjonali għall-pubblikazzjonijiet Maltin.

4. Il-London Book Fair (LBF) għadha tirrappreżenta spiża konsiderevoli annwali fuq il-kotba tal-KNK. Sadanittant, il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dil-fiera partikolari, jekk hemm, għad irridu naraw x’inhuma.

5. Id-deċiżjoni li Malta tipparteċipa fil-LBF, bħal kwalunkwe deċiżjoni strateġika oħra, għandha tkun marbuta ma’ cost-benefit analysis u f’konsultazzjoni mal-istakeholders ewlenin.

Infrastruttura u Intrapriża

1. Fis-snin li għaddew, filwaqt li sar titjib fil-profil tal-libreriji pubbliċi, spazji u intrapriżi indipendenti li jipproduċu u/jew ibigħu l-kotba baqgħu jonqsu. Huwa imperattiv li jitfasslu u jidħlu fis-seħħ inizjattivi speċifiċi għas-settur tal-pubblikazzjoni, forsi inkubaturi temporanji (business incubators), li jappoġġjaw start-ups ta’ pubblikazzjoni, ta’ bejgħ (kemm bi ħwienet fiżiċi kif ukoll ħwienet online) u ta’ distribuzzjoni tal-kotba biex il-konsumaturi u l-qarrejja Maltin ikunu moqdija kif jixirqilhom. Dan jinkludi inizjattivi għal postijiet indipendenti li jintużaw bħala Djar tal-Letteratura (literature houses) awtonomi/indipendenti – mhux bħaċ-Ċentru Malti tal-Ktieb – immexxija mill-privat jew għaqdiet volontarji u fejn ikunu jistgħu isiru attivitajiet kulturali varji.

2. L-entitajiet responsabbli għandhom jidentifikaw l-ostakli ewlenin li jżommu s-settur milli jikber fuq kull livell, kemm fil-kompetittività, fl-innovazzjoni u fir-rotot eżistenti biex il-ktieb jasal fis-suq.

Il-Fond Malti tal-Ktieb

1. Jeħtieġ li l-Fond Malti tal-Ktieb jikber sostanzjalment. Tul dawn l-aħħar snin, is-somma globali allokata għall-proposti baqgħet dejjem ta’ €120,000 fis-sena u żdiedet għal-€135,000 fl-2025. Dis-somma mhix biżżejjed biex tindirizza l-għajnuniet li s-settur għandu bżonn biex jimxi ’l quddiem.

2. Kwalunkwe bord t'evalwazzjoni ta’ fondi u premjijiet maħtur minn entitajiet relevanti għandu jkun kompetenti u rappreżentattiv ta' sessi, ġeneri, etajiet u kompetenzi diversi.

3. Barra minn hekk, jixraq li l-applikanti kollha ta’ kwalunkwe fond jirċievu spjegazzjoni dwar l-eżitu tal-proposta tagħhom. Din għandha tidħol bħala parti mill-proċeduri stabbiliti marbuta mal-proċess tal-evalwazzjoni.

Jeddijiet tas-Self Pubbliku

1. Il-Fondazzjoni HELA tilqa’ ż-żieda fis-somma globali ddedikata għall-Jeddijiet tas-Self Pubbliku kif imħabbar f’Jannar 2025. Din iż-żieda għandha tħalli impatt pożittiv fis-settur, partikolarment għall-kittieba.

2. L-ammont massimu jiddiskrimina kontra dawk il-kotba l-aktar mislufa b’impatt negattiv għall-kittieba u l-illustraturi tagħhom. Għaldaqstant għandu jitneħħa.

3. L-informazzjoni ppubblikata mill-KNK turi biċ-ċar li l-benefiċjarji ewlenin tal-Jeddijiet huma l-kittieba u l-kotba mmirati għat-tfal. Il-Fondazzjoni HELA għaldaqstant tipproponi li l-fondi allokati għall-Jeddijiet jinqasmu fi tnejn, wieħed għall-kotba tat-tfal u l-ieħor għall-kotba l-oħra b’allokazzjoni akbar għal dawn tal-aħħar biex b’hekk it-tqassim ikun aktar ekwu u ġust.

Riċerka

Il-Fondazzjoni HELA tagħraf li hemm diversi sfidi, uħud antiki, li għalihom m’hemmx soluzzjonijiet faċli u li minħabba n-natura tagħhom mhux lakemm jissolvew sempliċiment b’fondi ġodda. Għal ċerti problemi strutturali u kulturali, jeħtieġ xogħol strateġiku fuq medda ta’ żmien, bil-parteċipazzjoni ta’ msieħba diversi u b’rieda u konvinzjoni politika. Biex dan jista’ jibda jseħħ huwa kruċjali li nirriċerkaw, nidentifikaw u nartikolaw l-isfidi b’mod kemm jista’ jkun komprensiv. Għaldaqstant:

1. Teħtieġ issir mappa tal-entitajiet kollha li jirrappreżentaw l-interessi tas-settur u jiġu identifikati l-kompetenzi, limiti u missjonijiet ta’ kull waħda biex fejn hemm sinerġiji jiġu kkonsolidati u fejn hemm bżonn ta’ ristrutturar jiġi indirizzat.

2. Issir riċerka estensiva fuq l-impatt ta’ inċentivi u miżuri relevanti eżistenti biex nifhmu kif qed jolqtu l-industrija tal-pubblikazzjoni indiġena. (Il-Fond tal-Ktieb, l-iskema tal-vouchers, inċentivi fiskali u fondi oħra).

3. Teħtieġ stampa ċara tal-leġiżlazzjoni li tirregola fuq bażi nazzjonali u Ewropea l-bejgħ ta’ kotba li jkunu skartati minn swieq oħrajn u li allegatament qed jinbiegħu waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb u minn fieri/ħwienet indipendenti ġewwa Malta u Għawdex (book dumping).

4. Hemm bżonn riċerka dwar l-ostakli u l-ispejjeż li jxekklu l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-industrija tal-pubblikazzjoni. Jekk din l-informazzjoni ma teżistix s’issa fuq xiex qed jiġu bbażati il-politiki u l-miżuri li qed jidħlu fis-seħħ bl-għajta li qed jgħinu s-settur?

5. Hemm bżonn riċerka dwar fondi pubbliċi, amministrati minn entitajiet varji, li qed imorru għal benefiċjarji li joperaw fl-industrija tal-pubblikazzjoni. (KNK, Kunsill Malti għall-Arti, Malta Enterprise etc). Huwa vitali li ssir analiżi bir-reqqa tal-impatt tal-fondi li ngħataw fuq medda tas-snin, analiżi msejsa fuq l-istess missjoni tal-KNK u entitajiet li jamministraw fondi simili mmirati għat-tkabbir tas-settur kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

6. Hemm bżonn riċerka dwar l-inċentivi u d-diżinċentivi biex pubblikaturi Maltin jipproduċu l-kotba tagħhom lokalment minflok jaħdmu ma’ stampaturi barra minn Malta jew saħansitra l-Ewropa.

7. Hemm bżonn riċerka biex il-KNK u entitajiet responsabbli jagħrfu u jivvalorizzaw ix-xogħol ta’ organizazzjonijiet li jaħdmu favur is-settur b’kontribuzzjonijiet uniċi u imprezzabbli bħad-depożitorju bilingwi ta’ kittieba Maltin maħluq u amministrat mill-Fondazzjoni HELA.

Konklużjoni

Il-qofol ta’ dan id-dokument qasir huwa li Fondazzjoni HELA trid tixħet dawl fuq prinċipji u soluzzjonijiet li jwasslu għal prattiċi aħjar fil-konfront tal-industrija tal-pubblikazzjoni lokali. Il-viżjoni tagħna hija li l-entitajiet responsabbli jfittxu li jkunu minn tal-ewwel biex jaddottaw prattiċi iktar ġusti u trasparenti u li fis-snin li ġejjin jaħdmu mill-qrib kemm bejniethom kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet bħal Fondazzjoni HELA. Mhix viżjoni impossibbli. Biex naslu hemm, jeħtieġ li ċerti proċessi ta’ ħsieb, konsultazzjoni u deċiżjoni fuq politiki u miżuri jinfetħu u jiġu deċentralizzati. Ir-rieda, il-ħeġġa u fuq kollox l-ambizzjoni fil-privat u fit-tielet settur hemm qegħdin.

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies