Mhux faċli tafda | Clare Azzopardi

Mhux faċli tafda xogħlok ma’ xi ħadd. Biex nafda, ngħid għalija, irrid inkun ċerta li l-persuna li se taqrani hija persuna li nafha sew, li naf li dak li se tgħidli se jkun utli. Jaf jien nafda wisq. F’Castillo fdajt ħafna. Qabel ma ħareġ il-ktieb kont ġa tajtu lil ħafna nies. Illum inħares lura u ngħid, ma kellix għalfejn nagħtih lil daqstant nies. Naħseb li ma terġax tkun din li nperreċ xogħli ma’ numru kbir ta’ nies qabel ma jkun stampat. L-importanti li tifhem min vera qed jgħidlek affarijiet utli.

Idea,

kumment,

kelma, tnejn …

anki virgola taf tagħmel differenza …

basta dak li jgħidu, jgħin lix-xogħol jitjieb.

X’għoġobni jew x’dejjaqni mhix importanti wisq. Dawn opinjonijiet li jaf ma jkollhomx wisq bażi. X’jaħdem u x’ma jaħdimx jinteressani iktar. Għaliex dik taħdem u dik le, tant l-aħjar. Billi tgħidli din ma taħdimx u ma turinix kif u għaliex, ma jgħoddx. Jekk tieqaf mal-din-ma-taħdimx, ifisser li din hija opinjoni tiegħek. U din mhix biżżejjed. Jew ħa ngħid hekk, irid ikun hemm raġunijiet maħsuba u li jagħmlu sens biex naċċettaha.

X’aktarx erba’, ħames qarrejja li jaraw affarijiet editorjali differenti biżżejjed.

U tieqaf hemm.

Imbagħad f’idejk.

Jaf id-deċiżjonijiet li ġieli ħadt ma kinux tajbin lanqas. Paċenzja. Dik problema tiegħi.

Wieħed minn dawn il-qarrejja, fil-każ tiegħi, ikun dejjem il-pubblikatur. Il-pubblikatur tiegħi huwa wkoll l-editur tiegħi. Mhux normali din li jkollok pubblikatur-editur. Ħafna drabi l-pubblikatur ma jagħmilx ix-xogħol ta’ editur imma fil-każ tad-dar ta’ pubblikazzjoni tiegħi, hekk isir. U nħossni xxurtjata. F’dawn l-20 sena bnejt relazzjoni mal-pubblikatur tiegħi li hija importanti kemm għalija bħala kittieba kif ukoll għalih bħala pubblikatur. Almenu jien hekk naħseb. Niddiskuti x’jaħdem u x’ma jaħdimx u għaliex. Niddiskuti l-karattri, il-plott, il-mod kif qed jinkiteb ir-rumanz, jew in-novella … jaf ma naqblux dejjem, imma dejjem jirnexxielna niftiehmu. U dejjem għall-ġid tat-test. U jaf xi drabi jkollok iċċedi, verissimu. Ġieli trid iċċedi ħafna wkoll … imma nafdah. Għaliex nafdah? Għax l-ewwel u qabel kollox, qarrej. U bil-qari biss tista’ tibda tifforma l-intwizzjoni għal x’jaħdem u x’ma jaħdimx. U editur tajjeb għandu intwizzjoni tajba. Allura, iva, nafdah.

Idealment kull dar ta’ pubblikazzjoni jkollha l-edituri tagħha. U jekk dan ma jkunx possibbli, mela allura jridu jkunu l-kittieba li jagħrfu jagħżlu l-edituri tagħhom. Wieħed jew waħda biss jaf mhux biżżejjed. Imma lanqas hemm bżonn għoxrin. L-importanti li min se jeditja jkun qarrej. U ma jridux ikunu qarrejja waqfu fil-klassiċi. Imma qarrejja li qed jaqraw x’qed jinkiteb illum. Qarrejja li jaqraw kollox, minn poeżija sa rumanzi u novelli, minn komiks sa saġġi, jekk jista’ jkun.

Qarrejja li fuq kollox, kapaċi jpoġġu t-test li għandhom f’idhom fil-kuntest tal-letteratura Maltija u anki f’kuntest globali.

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies