Bejn ġeneru u ġeneru, x’hemm? | Leanne Ellul

Allura

Ikteb. Ikun xi jkun. Biż-żmien, b’ħafna qari u ħafna kitba, ikollok sens aħjar tal-kitba tiegħek. Ixxomm fejn sejra l-kitba u tħoss jekk hix maqtugħa għal ġeneru jew ieħor. Jew forsi toħloq il-ġeneru tiegħek stess.

Jiġifieri

Il-ġeneru huwa importanti daqskemm mhuwiex importanti.

Ktieb tal-_______________

Immaġina. Għandek ktieb tal-_______________ f’idejk. U għal ftit ħin insejt x’ħadlek u x’tajtu. Kemm fittixt u kemm tektikt. L-importanti li għandek ktieb (?) U li taf x’ġeneru hu (?)

Minn ġeneru għal ieħor

Fil-11 ta’ April, fil-11 ta’ filgħodu kont bilqiegħda f’kamra, l-Iżlanda, nistenna s-sessjoni “Final Draft” ma’ Taiye Selasi tibda. Tkellimna dwar it-trasferiment tal-ġeneru, kif ngħaddu minn ġeneru għal ieħor. Fis-snin li segwew tajt workshops marbuta ma’ “Riħ Isfel” ta’ Pierre Mejlak. Kif minn rumanz sar teledramm. U din hija proposta. Dak li tikteb bħala ġeneru ma jfissirx li ma jistax isir ġeneru ieħor.

U ġeneru wieħed u daqshekk?

Terġa’, uħud mill-isbaħ kotba li qrajt f’dawn l-aħħar snin mhumiex ġeneru jew ieħor. Huma ħafna ġeneri f’daqqa. Huma l-ġeneru tagħhom infushom. Ħu mill-kitbiet ta’ Maggie Nelson jew il-kitba ta’ Han Kang jew Anne Carson.

Għażla konxja (xi ftit jew wisq)

Illum żgur m’għadniex nistennew xi ħamiema tinżel tispirana jew xi bozza tas-sittin tixgħel fuq ngħasna. Illum (nittama li) niddeċiedu li rridu niktbu u niktbu. U jista’ jkun li l-għażla tkun iktar deliberata minn hekk. Tista’ tiddeċiedi li tikteb esej għax ftit li xejn insibu esejs tajbin bil-Malti. Jew rumanz għaż-żgħażagħ. Għax minkejja li l-għażla dejjem tikter, xorta waħda għad għandna nuqqas. U ma fiha xejn ħażin li tidentifika lakuna u timmira li tikteb għaliha. Anzi.

Inti tagħżel il-ġeneru jew viċiversa?

Min jaf? Naf biss li hemm ċerti temi li qatt ma ktibthom f’poeżija u oħrajn li qatt ma ktibthom f’rumanz. U minkejja li l-ħin kollu nidħaq u ndaħħaq, ftit li xejn ktibt stejjer umoristiċi, ħlief għat-tfal. Imma huwa minnu li hemm ċerti temi li f’moħħok taħsibhom għal ġeneru partikolari. Jien, tal-inqas, hekk nagħmel (hekk jiġrili?) Ma jfissirx li ċerti temi ma jimmanifestawx ruħhom f’ġeneri differenti. Biex nagħti eżempju, ktibt rumanz dwar l-anoressija imma ma ktibtx poeżija. Imma kemm-il ġeneru jmiss mal-anoressija? “Mess”, id-dramm ta’ Caroline Horton; “To the Bone” u “My Skinny Sister”, films; “The Hunger Artist” ta’ Franz Kafka, storja qasira. U kitbiet oħra kemm trid, anke bil-Malti.

Imma xiex?

Ta’ età żgħira tibda tikteb minn kollox. Jiena bdejt nikteb ta’ tlettax, taqbiliet, sejħilhom li trid. Imbagħad fil-postsekondarja bdejt nieħu l-kitba b’aktar serjetà u bdejt nikteb minn kollox. Drammi, poeżiji, rumanz. Imma l-poeżiji bqajt niktibhom dejjem. Dejjem ittikawni. Ideali li tikteb dawn il-ġeneri kollha? Hemm diversi awturi li jagħmluha. U jiktbu lirika u drammi, rumanzi u poeżiji. Imma forsi mhux kulħadd maqtugħ għal kull ġeneru. Trid tipprova biex tkun taf! Trid tikteb ħafna u tarmi ħafna (anzi tarmi xejn, għax idea jew ħsieb ta’ darba, tista’ terġa’ tużah u tibqa’ tużah).

Il-kif jgħodd mhux ix-xiex.

Meta tiddeċiedi li tikteb

Imbagħad tiddeċiedi li tpoġġi u tikteb. U forsi tibda tikteb (u kultant aktar ma tiktibx milli tikteb). Imma x’se tikteb? Rumanz, novella, esej, dramm, saġġ, memoir …? U jekk tiddeċiedi li tikteb poeżija, se tikteb limerikk, ħajku, litanija, sunett …? U jekk rumanz, se jkun tad-daħq, tal-biża’, tal-imħabba, ta’ avventura … jew ta’ kollha f’daqqa … jew ta’ xejn (din dewqa ta’ x’jgħaddi minn moħħ l-awturi … merħba!) Frankament, jekk trid tikteb, idealment tikteb xi ħaġa. Ovvja, veru, imma mhux daqstant ovvja lanqas. Xi drabi, taqbad tikteb u tara l-ideat fejn jeħduk u xi drabi tiddeċiedi li trid tikteb, ejja ngħidu, poeżija. Jiġifieri m’hemmx direzzjoni waħda li tista’ tieħu. Basta tieħu xi tip ta’ direzzjoni.

Qabel tpoġġi biex tikteb

Irid ikollok storja, xi ħaġa x’tgħid, qilla, ħerqa, xrara, dubju, spunt, suspett …

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies