JoePace

1.

Bijografija

Imwieled il-Furjana fl-14 ta’ Mejju 1963, Joe Pace huwa awtur li ppubblika l-ewwel ktieb tiegħu relattivament tard f’ħajtu. L-isfond mediku jpoġġih ma’ awturi oħra rispettati li ħadmu f’dan il-qasam bħala tobba fosthom Rużar Briffa u Ġużè Bonnici. Dan l-għarfien narawh f’xogħlu fejn jesplora b’mod miftuħ il-mortalità tal-bniedem u juri interess partikolari f’kemm il-bniedem huwa b’saħħtu u fraġli fl-istess ħin – fiżikament, psikoloġikament u spiritwalment.

Mur fil-biblijografija

Il-mod kif ġisimna għandu l-abbiltà li jiġġenera huwa tal-għaġeb imma meta wieħed ikun qed jiġġieled marda fatali niftakru fil-vulnerabbiltà u l-effimeru. Dan jiġri lil David Piscopo fir-rumanz Suq għax Dalam (Merlin Publishers, 2016). David imur l-Ingilterra biex jieħu opinjoni oħra dwar dijanjosi ta’ kanċer u jirċievi konferma li l-kanċer hu terminali. Iħoss id-dinja ta’ madwaru tikkrolla imma minflok jgħaddi lilu nnifsu minn numru differenti ta’ trattamenti u terapiji li ma jistgħu jagħmlu xejn ħlief itawlu l-inevitabbli, David jiddeċiedi li juża l-ħin li fadallu bl-aħjar mod possibbli, u jixtri karozza biex isuq lura lejn Malta. Madankollu, lil martu Catherine ma jgħidilhiex bil-kundizzjoni li għandu, u aktar ma jtawwal, aktar isibha diffiċli.

David jinkorpora karatteristika li nsibu f’ħafna mill-karattri ta’ Pace: minkejja ċ-ċirkustanzi ta’ diqa, dejjem hemm it-tama. Kultant din tkun tama li mhix flokha, bħal fil-każ ta’ David, fejn ix-xewqa tiegħu għal forma ta’ qamar il-għasel ieħor (il-vjaġġ lura d-dar flimkien ma’ martu) huwa sfrundat mis-silenzju tiegħu kważi stupidu. Imma t-tfittxjia għal tifsira, f’dinja li donnha kuntrarja u assurda, tressaq lil David u Catherine eqreb ta’ xulxin fejn jispikka l-fatt li hemm dan il-bżonn li nħallu legat. L-aħħar ħaġa ta’ importanza għal David mhix li jirritorna lejn Malta imma l-ftit mumenti li Catherine tqatta’ waħidha lejn l-aħħar tar-rumanz fejn tiftakar f’ħajjithom flimkien. Hemm affarijiet li huma akbar mill-esperjenza limitata tagħna tal-ħajja u l-mewt. Dan insibuh ukoll fir-rumanz debutt ta’ Pace, It-Tielet Teorija (Merlin Publishers, 2011) fejn il-ħajja tal-karattru prinċipali testendi wara l-mewt, fil-forma ta’ kummenti fuq il-midja soċjali.

It-tiftixa għall-iskop tal-ħajja huwa motif qawwi fl-aħħar ktieb ta’ Pace, Papa Aħmed (Merlin Publishers, 2019). Il-Papa li għadu kif inħatar jiġġieled mad-dubji tiegħu dwar il-fidi u l-irwol li din għandha fid-dinja. L-ispirtu donnu jgħix fi skumdità mal-ġisem u Aħmed jgħaddi minn sensiela ta’ viżjonijiet kawża ta’ diversi attakki donnhom epilettiċi. Waqt dawn l-episodji, hu jesplora r-realtajiet tal-passat u l-preżent, jesperjenza ġrajjiet li jgħinuh jifhem aktar b’mod profond l-irwol li kien destinat għalih.

Ix-xogħol ta’ Pace hu definit bil-logħba bejn il-fiżiku u l-metafiżiku, u kif din il-kollużjoni toħloq tensjoni li minnha jimmanifesta t-tifsir. Joħroġ b’mod ċar il-fraġilità tal-ġisem korporali waqt li jfakkarna li hemm aktar x’jiġi skopert lil hinn mill-ġisem.

Bijografija miktuba minn Noel Tanti u maqluba għall-Malti minn Keith Borg

2.

Biblijografija

Bl-appoġġ ta'

Il-Kunsill Malti għall-Arti

Il-Pjattaforma għall-Industriji Kreattivi

Kordinatriċi tal-proġett: Clare Azzopardi

Bl-għajnuna ta': Kirsty Azzopardi, Leanne Ellul u Albert Gatt

Qarrej tal-provi: Dwayne Ellul

Immaniġġja l-preferenza tal-cookies